News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
07/03/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika tagħrif annwali dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta
Fit-tieni nofs tal-2021 ġew irrappurtati lill-Bank Ċentrali ta' Malta 150 karta tal-euro falza, prattikament ekwivalenti għall-ammont irreġistrat matul l-ewwel nofs tal-istess sena.
B'hekk, għas-sena 2021, l-ammont totali ta' karti tal-flus foloz irtirati miċ-ċirkolazzjoni laħaq it-305 karti tal-flus, li huwa l-iktar ammont baxx li qatt ġie rreġistrat f'Malta sa mid-dħul tal-euro fl-2008.
Meta mqabbel mal-għadd ta' karti tal-euro ġenwini maħruġin għaċ-ċirkolazzjoni f'Malta matul l-2021 (ftit ogħla minn 25.59 miljun bħala medja), il-proporzjon ta' karti tal-flus tal-euro foloz għadu insinifikanti.
Fil-livell ta' 0.09%, il-proporzjon ta' Malta fl‑għadd totali ta' flus foloz interċettati fiż‑żona kollha tal-euro matul l-istess perjodu (li jammontaw għal 347,000 karta) kien ukoll inqas mill-proporzjon ta' Malta tal-kapital tal-BĊE li jammonta għal 0.1049%.
Mill-karti kollha tal-flus tal-euro foloz maqbuda f'Malta matul l-2021, id-denominazzjonijiet tan-nofs jibqgħu l-iktar denominazzjonijiet iffalsifikati. Il-karti tal-€20 u tal-€50 esperjenzaw żieda żgħira matul l-2021 u flimkien kienu jammontaw għal 73.5% tal-flus foloz kollha interċettati. Matul dan il-perjodu, il-proporzjon tal-karti tal-flus foloz tal-€5 u tal-€10 żdied, filwaqt li l-ebda karta tal-flus falza ta' denominazzjonijiet ogħla ma ġiet interċettata.
It-tabella li ġejja tipprovdi distribuzzjoni perċentwali skont id-denominazzjonijiet tal-ammont totali ta' flus foloz irtirati miċ-ċirkolazzjoni matul l-2021, imqabbla ma' dawk irtirati fiż-żona tal-euro kollha kemm hi.
|
|
|
€5
|
€10
|
€20
|
€50
|
€100
|
€200
|
€500
|
|
Distribuzzjoni Perċentwali
|
Żona tal-Euro
|
2.4
|
15.7
|
32.1
|
33.8
|
9.5
|
5.5
|
1.0
|
|
Malta
|
12.1
|
9.5
|
35.1
|
38.4
|
4.9
|
-
|
-
|
Minkejja l-livell baxx ta' flus foloz irrapportati lokalment, il-Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' jwissi lill-pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti hekk kif fix-xhur li għaddew kien hemm żieda fin-numru ta' karti tal-flus foloz ta' kwalità baxxa li ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni. Fil-każijiet kollha, kien faċli sabiex jiġu identifikati għaliex għandhom imitazzjonijiet foqra tal-karatteristiċi tas-sigurtà.
Il-karti tal-flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat-test "FEEL-LOOK-TILT" kif spjegat fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta. Il-Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta' għajnuna, inkluż taħriġ, lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l-assistenza.
Kull min jirċievi karta tal-flus suspettuża għandu jċempel lill-Pulizija fuq 2294 2120 jew lill-Bank Ċentrali ta' Malta fuq 2550 6012/13, jew jibgħat e-mail lill-Bank.
Lura lejn l-Arkivju