News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
24/02/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Frar
L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju juri li f'Jannar, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa' ferm ogħla mill-medja storika tiegħu għalkemm qed jinnormalizza gradwalment peress li ħafna indikaturi ekonomiċi qed jilħqu l-livelli tagħhom ta' qabel il-pandemija.
L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta żdied f'Jannar - meta mqabbel max-xahar ta' qabel. Dan baqa' ferm ogħla mil-livell ta' sena ilu u qabeż ukoll marġinalment il-medja storika. Meta mqabbla ma' Diċembru, il-fiduċja tjiebet fis-setturi tas-servizzi, tal-kostruzzjoni u l-industrija iżda naqset fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u fost il-konsumaturi.
L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta batta meta mqabbel ma' Diċembru. Inċertezza aktar baxxa kienet xprunata l-aktar minn żviluppi fl-industrija u, fuq livell inqas, fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-bejgħ bl-imnut. Il-konsumaturi komplew jirrappurtaw li huma kapaċi jbassru s-sitwazzjoni finanzjarja futura tal-households tagħhom mingħajr diffikultà. Min-naħa l-oħra, l-inċertezza żdiedet fis-settur tas-servizzi.
F'Diċembru, il-produzzjoni industrijali naqset fuq bażi annwali għall-ħames xahar konsekuttiv. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut kompla jiżdied b'ritmu inqas mgħaġġel minn qabel.
Ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess fil-livell ta' 3.4% meta mqabbla ma' Novembru - u ferm taħt il-livell irreġistrat qabel il-pandemija.
F'Jannar, l-għadd ta' kuntratti ta' bejgħ ta' proprjetà residenzjali żdied filwaqt li l-għadd ta' konvenji naqas fuq bażi annwali. Il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali żdiedu bi ftit f'Diċembru, meta mqabbla mal-livelli tas-sena l-oħra, filwaqt li naqsu l-permessi maħruġa għal bini residenzjali.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) u dik ibbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħu għal 2.6% minn 2.4% f'Novembru.
L-Aġġornament Ekonomiku jinkludi wkoll data dwar rikors għall-moratorju fuq ħlasijiet lura ta' self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti ta' Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Is-self lil kumpaniji soġġett għal moratorju baqa' limitat ħafna fl-aħħar tas-sena. Dan kien jammonta għal €14.1 miljun, jew 0.1% biss tas-self pendenti f'Diċembru. Dan jirrifletti rkupru fid-dħul u l-iskadenza tal-perjodu tal-moratorji għall-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji. Sal-aħħar tas-sena, 654 faċilità għal skopijiet ta' kapital tax-xogħol u ta' ħlas lura tas-self kienu ngħataw lin-negozji milquta mill-pandemija taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondi għal ammont totali sanzjonat ta' €505.9 miljun, jew 65.0% tal-mira tal-iskema.
L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju