News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

15/02/2022

Is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali ġġedded l-Istqarrijiet ta’ Impenn għall-Kodiċi Globali FX

  • Il-Kodiċi Globali FX jippromwovi suq tal-kambju robust, ġust, likwidu, miftuħ u trasparenti kif xieraq;
  • Is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali terġa' tafferma pubblikament l-impenn għall-Kodiċi aġġornat;
  • Il-Kodiċi ġie ppubblikat għall-ewwel darba fl-2017 u ġie aġġornat f'nofs l-2021.

Is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) tilqa' l-aġġornament tal-Kodiċi Globali FX li sar f'Lulju 2021 u l-pubblikazzjoni ta' materjal relatat ta' gwida. B'dan il-kodiċi globali dwar il-kambju barrani, il-parteċipanti fis-swieq tal-kambju għandhom l-għan li jippromwovu suq tal-kambju robust, ġust, likwidu, miftuħ u trasparenti b'mod xieraq, ibbażat fuq standards etiċi għoljin. Il-Kodiċi ġie aġġornat mill-Global Foreign Exchange Committee sabiex jinżamm rilevanti u konformi mal-evoluzzjoni kontinwa tas-suq tal-kambju u ser ikompli jistabbilixxi l-istandard għal prattika tajba tas-suq. Swieq finanzjarji li jiffunzjonaw tajjeb huma ta' benefiċċju għall-parteċipanti kollha fis-swieq u huma importanti għall-banek ċentrali minħabba li jiżguraw it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja lill-ekonomija reali. Finalment, dan huwa ta' benefiċċju għall-pubbliku inġenerali.

Illum il-membri kollha tas-SEBĊ, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), simultanjament ħarġu Stqarrijiet ta' Impenn imġedda għall-Kodiċi. Dan juri l-impenn qawwi tagħhom li jżommu mal-prinċipji tagħha meta jaġixxu bħala parteċipanti fis-suq tal-kambju, sabiex jaġġustaw il-prattiki u l-proċessi interni tagħhom mal-prinċipji aġġornati tagħha, u li jsaħħu u jippromwovu l-aderenza mal-Kodiċi. B'dawn l-Istqarrijiet ta' Impenn, huma jenfasizzaw li l-prinċipji tal-Kodiċi huma importanti sabiex jiżguraw l-integrità kontinwa u t-tħaddim effettiv tas-suq tal-kambju. Sabiex jinkiseb bis-sħiħ l-għan tal-Kodiċi, il-banek ċentrali tal-UE jħeġġu wkoll lill-parteċipanti fis-suq tal-kambju tal-ġuriżdizzjonijiet tagħhom sabiex jirrevedu l-Kodiċi aġġornat u jġeddu l-Istqarrijiet tagħhom ta' Impenn.

Noti

Lura lejn l-Arkivju