News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

14/02/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma ftehim kollaborattiv mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Il-Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) u l-Korp tal-Pulizija ta' Malta (il-Korp) iffirmaw Memorandum ta' Ftehim (MoU) li jipprovdi bażi formali għal kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna u l-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija ta' Malta, Mr Angelo Gafà, iffirmaw l-MoU li huwa għodda importanti li tifformalizza u ssaħħaħ ir-relazzjoni eżistenti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. Dan il-ftehim jibni wkoll fuq snin ta' assistenza mogħtija mill-Korp lill-Bank sabiex jassigura l-operat u l-assi tiegħu. Barra minn hekk, dan il-ftehim jistabbilixxi modi ġodda għal aktar kooperazzjoni fil-prevenzjoni tal-użu ta' flus foloz, kemm permezz ta' assistenza teknika kif ukoll dik investigattiva. Id-dispożizzjonijiet tal-MoU jippermettu liż-żewġ partijiet li jidħlu f'aktar arranġamenti għal assistenza reċiproka bħall-iskambju ta' informazzjoni u arranġamenti operattivi oħra f'oqsma speċifiċi tal-operat.

Il-Professur Scicluna nnota li "Il-ftehim iffirmat jirrifletti d-determinazzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet li jkomplu bit-tradizzjoni twila tagħhom ta' assistenza reċiproka permezz tal-iskambju ta' impjegati, taħriġ u riżorsi tekniċi, u jippermettilhom li jkomplu din il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni tal-flus, li hija detrimentali ħafna għall-euro bħala għodda biex isiru l-pagamenti."

Il-Kummissarju tal-Korp, Mr Angelo Gafà qal li "Il-Korp tal-Pulizija ta' Malta qiegħed b'sodisfazzjon jissiġilla dan il-ftehim li huwa rikonoxximent li l-kriminalità finanzjarja, inkluża dik serja u organizzata, tista' tiġi indirizzata b'mod effettiv permezz ta' sforz kollettiv mill-partijiet ikkonċernati."

Lura lejn l-Arkivju