News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

03/02/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-ewwel ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2022

Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l-ewwel ħarġa tar-rivista ta' kull tliet xhur għas-sena 2022, li tanalizza fid-dettall l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it-tielet kwart tal-2021.

Fit-tielet kwart tal-2021, l-attività ekonomika baqgħet affettwata mill-pandemija tal-COVID-19 u mill-miżuri ta' trażżin assoċjati magħha, għalkemm dawn kienu inqas stretti minn sena qabel. It-tkabbir ekonomiku baqa' b'saħħtu, hekk kif il-PDG reali żdied b'9.7% meta mqabbel mat-tielet kwart tal-2020, u kien primarjament xprunat mis-settur tas-servizzi. Minkejja ż-żieda riċenti, il-livell tal-PDG xorta kien 2.2% inqas minn dak irreġistrat fit-tielet kwart tal-2019.

It-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali kien ta' 2.7% fit-tielet kwart tal-2021, żieda minn 2.5% fil-kwart ta' qabel. L-istima tal-Bank tad-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet f'livell negattiv. Dan ifisser li minkejja r-ritorn gradwali tal-ekonomija għal livelli aktar normali ta' attività, il-kapaċità produttiva tal-ekonomija għadha kemxejn mhux utilizzata biżżejjed, speċjalment fis-setturi tat-turiżmu u dawk relatati mad-divertiment.

L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju kien ferm ogħla mil-livell storiku tiegħu fit-tielet kwart tal-2021, hekk kif diversi sottokomponenti tal-indiċi rreġistraw żidiet annwali qawwija fuq it-tielet kwart tal-2020, li kien punt baxx għal diversi indikaturi minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Sadattant, l-Indikatur tas-Sentiment tal-Kummissjoni Ewropea naqas ftit mil-livell irreġistrat fit-tieni kwart iżda baqa' għoli minn perspettiva storika. Dan jista' jirrifletti t-tnaqqis tar-restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19 u t-titjib relatat fl-attività kif ukoll żieda fir-rata ta' tilqim miksuba matul it-trimestru.

Matul it-tielet kwart tal-2021, l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi hekk kif l-impjiegi kienu f'livell ogħla minn dak ta' qabel il-pandemija u l-qgħad kompla jonqos. Skont l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, kien hemm żieda fir-rati tal-impjiegi u tal-attività. Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta' 3.6%, kemxejn ogħla mir-rata ta' 3.4% rreġistrata fil-kwart preċedenti, iżda ferm taħt ir-rata ta' 4.9% rreġistrata sena qabel. Ir-rata tal-qgħad kienet ukoll taħt ir-rata medja ta' 7.4% għaż-żona tal-euro.

L-inflazzjoni telgħet matul il-kwart kopert. L-inflazzjoni annwali kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kienet 0.7% f'Settembru, żieda minn 0.2% f'Ġunju, l-aktar minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fil-prezzijiet tal-prodotti industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija u tal-ikel mhux ipproċessat. L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infiq minn residenti f'Malta, telgħet minn 1.5% f'Ġunju għal 2.2% f'Settembru.

Matul it-tielet kwart tal-2021, id-defiċit tal-gvern ġenerali żdied meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif l-infiq żdied b'ritmu aktar mgħaġġel mid-dħul. Meta mkejjel fuq bażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, id-defiċit tal-gvern ġenerali laħaq it-8.5% tal-PDG, marġinalment ogħla mir-rata ta' 8.4% rreġistrata fit-tieni kwart. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG għalaq it-tielet kwart b'57.2%, minn 59.1% fi tmiem it-trimestru ta' qabel. Is-sehem nett tal-valur finanzjarju tal-gvern fil-PDG tjieb fil-kwart kopert.

Ir-Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Ir-Rivista tfakkar li l-Kunsill Governattiv żamm ix-xejra akkomodattiva tiegħu tal-politika monetarja matul it-tielet kwart tal-2021. F'Lulju, il-Kunsill approva wkoll strateġija ta' politika monetarja ġdida u rreveda l-indikazzjonijiet tiegħu għall-ġejjieni dwar ir-rati tal-imgħax. Riċentement, f'Diċembru ddikjara li l-Eurosistema ser twaqqaf ix-xiri nett ta' assi taħt il-programm ta' xiri ta' emerġenza pandemika (PEPP) fl-aħħar ta' Marzu 2022. Madankollu, il-fażi ta' investiment mill-ġdid tal-PEPP ġiet estiża, tal-inqas sa tmiem l-2024. Ix-xiri taħt il-programm ta' xiri ta' assi (APP) ser ikompli u ser jintemm ftit qabel l-BĊE jibda jgħolli r-rati ewlenin tiegħu tal-imgħax.

Ir-Rivista tippreżenta studju li jesplora l-effetti li l-miżuri restrittivi kellhom fuq il-mobilità madwar l-Unjoni Ewropea matul il-fażijiet inizjali tal-pandemija tal-COVID-19 wara li wieħed jikkontrolla għal bidliet fl-imġiba imposti mill-individwi stess. Ir-Rivista tinkludi wkoll analiżi tal-iżviluppi fit-tul fil-kisba edukattiva f'Malta. Barra minn hekk, ir-Rivista tippreżenta stima tat-trażmissjoni mir-rata tal-kambju għall-prezzijiet għall-konsumatur fl-ekonomija Maltija sa mill-2008. 

L-ewwel ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2022 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta. 

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-ewwel ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2022

Lura lejn l-Arkivju