News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

28/01/2022 14:30:00

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jindirizza lill-European Savings and Retail Banking Group

Fis-27 ta' Jannar 2022, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, għamel preżentazzjoni dwar ix-xejriet ewlenin u l-bidliet strutturali osservati fis-swieq tax-xogħol tal-ekonomiji avvanzati wara l-pandemija. Il-konferenza ġiet organizzata fil-qafas tal-ESBG Spotlight, sensiela ta' avvenimenti organizzati mill-European Savings and Retail Banking Group (ESBG). L-ESBG hija assoċjazzjoni ta' 23 membru minn 18-il pajjiż Ewropew u tirrappreżenta l-interessi ta' aktar minn 800 bank. Flimkien, il-membri tal-ESBG jimmaniġġjaw assi li jiswew €5,700 biljun, jaqdu 162 miljun Ewropew u jimpjegaw kważi 660,000 persuna.

Il-Gvernatur Scicluna beda l-preżentazzjoni tiegħu billi enfasizza n-natura multidimensjonali tal-kriżi u l-effetti profondi u trasformattivi tagħha kemm fuq l-ekonomija kif ukoll fuq is-soċjetà. Wara li introduċa lill-udjenza xi kunċetti u għodod ewlenin użati b'mod komuni mill-ekonomisti biex janalizzaw il-provvista tal-ħaddiema, hu mbagħad ippreżenta ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tas-swieq tax-xogħol f'diversi ekonomiji avvanzati.

Waqt l-intervent tiegħu, il-Gvernatur semma xi xejriet mhux tas-soltu u tfixkil osservati fis-swieq tax-xogħol, u wera l-ħtieġa li jmur lil hinn minn dak li jindikaw l-għodod standard. Argumenta wkoll li l-pandemija kienet "xokk sinifikanti li ser iħalli impatt kbir fuq l-attitudnijiet lejn ix-xogħol. Għalhekk, l-ekonomisti jista' jkollhom bżonn jirrevedu l-għodda tagħhom". Ikkonkluda l-intervent tiegħu billi enfasizza l-inċertezza dwar l-effetti fit-tul tal-pandemija fuq is-swieq tax-xogħol u rrifletta dwar xi dimensjonijiet li fihom huwa aktar probabbli li jseħħu bidliet permanenti wara l-pandemija. Stqarr li bħalissa, "għandna aktar mistoqsijiet milli tweġibiet".

Is-sessjoni kienet immoderata minn Sebastian Stodulka (Kap għall-Affarijiet Regolatorji tal-ESBG) u inkludiet sensiela ta' mistoqsijiet li permezz tagħhom il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jinteraġixxu mal-Gvernatur. 

Il-Gvernatur Scicluna jindirizza lill-European Savings and Retail Banking Group

Il-Gvernatur Scicluna jindirizza lill-European Savings and Retail Banking Group

Lura lejn l-Arkivju