News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

24/09/2021 18:15:00

Preżentazzjoni tal-munita kommemorattiva li tfakkar il-mitt anniversarju mill-Kostituzzjoni tal-1921 li tat lil Malta tmexxija awtonoma

Illum wara nofsinhar, il-Parlament laqa’ fih taħdita fost numru ta’ akkademiċi u l-Ispeaker tal-Kamra, l-Onor. Anġlu Farrugia, dwar is-sehem li kellu u li jista’ jkollu l-Parlament sabiex il-komunitajiet tagħna jkunu l-post li fih dawn ikunu jistgħu jisseddqu. Din l-attività kienet organizzata mill-Uffiċċju tal-Ispeaker fil-qafas taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Parlament Malti li jfakkru l-100 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Parlament Malti kif nafuh illum.

It-taħdita kienet immexxija mill-Professur Andrew Azzopardi u fiha ħadu sehem l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Prof. Ray Mangion, Dr Marie Briguglio u Dr Mario Thomas Vassallo.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia għamel referenza għall-mixja demokratika tal-pajjiż, li wieħed mill-mumenti ewlenin tagħha kienet proprju l-għotja tal-Kostituzzjoni tas-Self Government fl-1921 ftit snin biss wara l-inċidenti koroh tas-Sette Giugno 1919. Huwa tkellem ukoll dwar kif il-Parlament, maż-żmien evolva sabiex ikun istituzzjoni dejjem aktar miftuħa u trasparenti fil-ħidma tagħha, u saħaq li dan għandu jkun ikkumplimentat b’aġir dinjituż mill-Membri Parlamentari, u wkoll minn rappurtaġġ ġust u korrett mill-media.

Fi tmiem it-taħdita saret it-tnedija tal-munita kommemorativa nħarġet mill-Bank Ċentrali ta’ Malti flimkien mal-Parlament tal-Malta biex tfakkar iċ-Ċentenarju mill-Għoti tal-Kostituzzjoni tas-Self-Government fl-1921. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Prof. Edward Scicluna ppreżenta din il-munita lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, u f’diskors qasir ta ħarsa ġenerali lejn il-muniti maħruġa mill-Bank Ċentrali ta’ Malta sa mill-1972 li jfakkru żviluppi Kostituzzjonali Maltin li raw lil Malta tiżviluppa minn fortizza-kolonja Ingliża għal nazzjon sovran.

Bħala ġest ta’ ringrazzjament lill-mistiedna, il-Bank ippreżenta muniti kommemorattivi lill-akkademiċi li kkontribwixxew għat-taħdita li nżammet aktar kmieni.

Presentation of coin commemorating the 100th anniversary of the Self-Government Constitution

Mix-Xellug: Dr Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tar-Rappreżantanti, Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna

Lura lejn l-Arkivju