News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

20/09/2021

Munita tal-fidda li tfakkar il-mitt sena mill-kostituzzjoni tal-1921 li tat tmexxija awtonoma lil Malta

Il-Bank Ċentrali ta' Malta dalwaqt ser iniedi munita numiżmatika tal-fidda li tfakkar il-mitt sena mill-kostituzzjoni tal-1921 li tat tmexxija awtonoma lil Malta.

Il-Gvernatur tal-Bank, il-Professur Edward Scicluna, ser jippreżenta munita lill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti Dr Anġlu Farrugia fi tmiem simpożju li ser isir fil-Parlament biex jitfakkar dan l-anniversarju. L-avveniment ser isir nhar il-Ġimgħa 24 ta' Settembru fit-3pm u ser jiġi mxandar dirett fuq l-istazzjon televiżiv tal-Parlament u kif ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Parlament.

Fit-30 ta' April 1921, mijiet ta' Maltin iltaqgħu l-Belt Valletta biex ikunu xhieda tal-proċedimenti marbuta mal-promulgazzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida, li tat lill-Maltin ir-responsabbiltà li jeleġġu gvern. Deher li, wara 120 sena ta' tmexxija Ingliża, intlaħqu l-aspirazzjonijiet Maltin għall-awtonomija fl-affarijiet lokali. Il-Kostituzzjoni stabbiliet dijarkija li permezz tagħha gvern Malti elett kien responsabbli għall-affarijiet lokali, filwaqt li l-Gvern Imperjali kien responsabbli għal "materji riżervati" li kienu jinkludu l-politika tad-difiża u dik barranija. L-elezzjonijiet saru f'Ottubru 1921 u l-ewwel Parlament Malti ġie inawgurat minn Edward, Prinċep ta' Wales, fl-1 ta' Novembru 1921.

L-esperiment Malti mat-tmexxija awtonoma ma damx, hekk kif il-Kostituzzjoni ġiet irtirata fl-1936. Madankollu, hija wittiet it-triq għal aktar żvilupp kostituzzjonali, li laħaq il-quċċata tiegħu meta Malta kisbet indipendenza politika mill-Gran Brittanja fl-1964.

Qed jinħarġu biss 1,500 munita, b'valur nominali ta' €10. Il-muniti nħadmu mir-Royal Dutch Mint. Kull munita hi maħduma f'0.925 fidda, għandha piż ta' 28.28g, dijametru ta' 38.61mm u maħduma f'verżjoni proof. Il-muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason. In-naħa ta' quddiem tal-muniti turi l-istemma araldika ta' Malta, filwaqt li fuq in-naħa ta' wara hemm il-figura ta' Melita, allegorija ta' Malta.

Il-muniti, li se jinbiegħu għal €65, jistgħu jinxtraw mill-e-shop tal-Malta Coin Centre mill-Ġimgħa 24 ta' Settembru fit-3pm, u mill-counter tal-Malta Coin Centre ġewwa l-Bank Ċentrali ta' Malta fi Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta, mit-Tnejn 27 ta' Settembru fit-8.30am.

Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Silver coin marks centenary of 1921 self-government Constitution

Lura lejn l-Arkivju