News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

01/09/2021

Webinar dwar l-impatt tat-teknoloġija u l-bidliet fil-prattiki mediċi fuq in-nefqa tal-kura tas-saħħa

In-nefqa fuq il-kura tas-saħħa kienet qed tiżdied fil-biċċa l-kbira tal-ekonomiji tal-UE u l-COVID-19 aċċellera din it-tendenza. Minn perspettiva fuq żmien itwal, kemm minn din in-nefqa jista' jiġi attribwit lill-progress teknoloġiku jew lill-bidliet fil-prattiki mediċi? Dan is‑suġġett f'waqtu ser jiġi diskuss waqt webinar organizzat mill‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Il-kelliem, il-Professur Mauro Laudicella, ser jinvestiga dan is-suġġett billi juża data mis-Sistema tas-Saħħa Nazzjonali Daniża li toffri kopertura universali u hija bla ħlas fil-punt ta' aċċess. Iċ-chief economist tal-Bank, Dr Aaron G. Grech, ser jintroduċi dan is-suġġett.

Il-Prof. Laudicella huwa professur fl-Ekonomija tas-Saħħa f'DaCHE - iċ-Ċentru Daniż għall-Ekonomija tas-Saħħa, fl-Università tan-Nofsinhar tad-Danimarka. Huwa wkoll Research Fellow Onorarju fil-Business School of Imperial College London. Qabel kien impjegat fis-City University of London, fl-Imperial College London u fl-Università ta' York. Huwa għandu PhD fl-ekonomija mill-Università ta' York u MSc fl-Ekonomija mill-Kulleġġ Universitarju ta' Londra. Ir-riċerka riċenti tal-Professur Laudicella tiffoka dwar l-impatt tal-progress teknoloġiku u l-bidla fil-prattika medika fuq id-domanda tal-kura tas-saħħa u r-redditi ekonomiċi tal-infiq pubbliku għal teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni.

Il-webinar ser isir fil-15 ta' Settembru fil-11 a.m. fuq Microsoft TEAMS. Il-parteċipazzjoni hija bla ħlas u miftuħa għall-pubbliku. Ser ikun hemm ħin ukoll għall-mistoqsijiet fl-aħħar tal-webinar. Ir-reġistrazzjoni onlajn hija meħtieġa fuq is-sit elettroniku tal-Bank jew billi tintbagħat email.

Webinar dwar l-impatt tat-teknoloġija u l-bidliet fil-prattiki mediċi fuq in-nefqa tal-kura tas-saħħa

Lura lejn l-Arkivju