News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

23/08/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Awwissu

F'Lulju, l-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju naqas marġinalment meta mqabbel ma' dak ta' Ġunju, iżda żdied fuq bażi annwali hekk kif l-ekonomija kompliet tirkupra mil-livelli baxxi ħafna li ġew osservati fl-2020.

L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juri li s-sentiment naqas xi ftit meta mqabbel ma' dak ta' Ġunju, waqt li baqa' ogħla mil-livell tiegħu sena qabel u mill-medja fuq żmien twil. Is-sentiment kien pożittiv fl-industrija u l-qasam tas-servizzi kif ukoll fost il-konsumaturi. Madankollu, kien negattiv fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-kummerċ bl-imnut.

L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern għall-COVID-19 - indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, miżuri ekonomiċi u dawk relatati mas-saħħa introdotti b'reazzjoni għall-pandemija - naqset sal-aħħar ta' Lulju minn dik ta' xahar qabel iżda kienet ogħla minn dik irrappurtata fiż-żona tal-euro.

F'Lulju, it-tranżazzjonijiet tal-proprjetà residenzjali baqgħu sinifikanti, fejn l-ammont ta' kuntratti finali żdied fuq bażi annwali, waqt li dak tal-konvenji dwar il-bejgħ naqas kemxejn.

F'Ġunju, il-produzzjoni industrijali żdiedet b'rata annwali aktar mgħaġġla meta mqabbla ma' dik ta' xahar qabel. Madankollu, il-volum tal-kummerċ bl-imnut kiber b'pass aktar dgħajjef. L-għadd ta' permessi għal żvilupp kummerċjali żdied ftit f'termini annwali waqt li l-permessi għal bini residenzjali naqsu.

L-għadd ta' persuni qiegħda rreġistrati naqas, kemm meta mqabbel ma' dak ta' Mejju kif ukoll meta mqabbel ma' dak fl-istess xahar sena qabel. Ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess f'livell ta' 3.6% meta mqabbla ma' dik ta' Mejju, prattikament fil-livell ta' qabel il-pandemija u ferm inqas mill-medja storika.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) baqgħet l-istess bħal ta' Mejju, f'livell ta' 0.2%, waqt li dik ibbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut żdiedet għal 1.5%. Id-differenza bejn iż-żewġ metodi ta' kejl tal-inflazzjoni tirrifletti fatturi tekniċi relatati mar-reviżjoni tal-piżijiet tal-HICP fl-2021.

L-Aġġornament Ekonomiku jinkludi wkoll data dwar rikors għall-moratorju fuq ħlasijiet lura ta' self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti ta' Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kien soġġett għal moratorju sal-aħħar ta' Ġunju kompla jonqos, għal €126.1 miljun, ekwivalenti għal 1.0% biss tas-self pendenti lil dawn is-setturi. Dan jirrifletti rkupru fid-dħul u l-iskadenza tal-perjodu tal-moratorji. Sal-aħħar ta' Ġunju 2021, 606 faċilitajiet ġodda għal skopijiet ta' kapital tax-xogħol u ta' ħlas lura tas-self kienu ngħataw lin-negozji milquta mill-pandemija taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondi għal ammonti totali sanzjonati ta' €451.5 miljun, jew 58.0% tal-mira tal-iskema.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju