News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

30/07/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tielet ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2021

Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t-tielet ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għas-sena 2021, li tanalizza l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul l-ewwel kwart tal-2021. L-informazzjoni ppreżentata tinzerta maż-żieda fil-każijiet attivi tal-COVID-19 u l-introduzzjoni mill-ġdid ta' miżuri ta' trażżin f'Marzu. Dan kien jinkludi l-għeluq tal-biċċa l-kbira tal-ħwienet u l-istabbilimenti tal-catering, kif ukoll l-għeluq tal-iskejjel.

Fl-ewwel kwart tal-2021, l-attività ekonomika kompliet turi sinjali ta' titjib minkejja li kienet soġġetta għat-tiġdid fil-miżuri relatati mal-pandemija. Il-PDG reali naqas b'1.8% f'termini annwali - tnaqqis inqas b'saħħtu minn dak esperjenzat fit-tliet xhur preċedenti, meta l-PDG kien naqas b'rata annwali ta' 7.8%. It-tnaqqis ekonomiku kien dovut għal tnaqqis qawwi fl-esportazzjoni netta, hekk kif il-kontribut tad-domanda domestika kien pożittiv. Data settorjali turi li t-tnaqqis fl-attività kien primarjament dovut għas-settur tas-servizzi, minħabba li l-attività relatata mat-turiżmu baqgħet relattivament baxxa, kif ukoll l-għeluq ta' servizzi mhux essenzjali f'Marzu 2021. L-attività naqset ukoll fis-setturi tal-manifattura u l-kostruzzjoni, għalkemm l-impatt negattiv fuq il-PDG kien relattivament minimu.

Ir-rata tat-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali żdiedet għal 1.9% fl-ewwel kwart tal-2021, minn ‑0.3% fil-kwart ta' qabel - l-aktar minħabba titjib fil-kontribut tal-produttività totali tal-fatturi, li kien qaleb negattiv fl-2020. L-istima tal-Bank tad-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet sew f'livell negattiv, hekk kif id-domanda baqgħet taħt il-potenzjal tal-ekonomija.

L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju wera li l-attività tan-negozju bdiet titjieb fuq bażi annwali fl-ewwel kwart tal-2021, għalkemm il-livelli tal-attività ekonomika baqgħu taħt dawk prevalenti qabel il-pandemija. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea kompla jirkupra mill-iktar livell baxx fl-2020 ikkawżat mil-pandemija, iżda baqa' baxx minn perspettiva storika hekk kif COVID-19 kompla jkun ta' piż fuq il-fiduċja tal-konsumaturi u n-negozji matul it-trimestru.

Matul l-ewwel kwart tal-2021, is-suq tax-xogħol kompla jirkupra, hekk kif l-impjiegi żdiedu fuq il-kwart ta' qabel, filwaqt li l-qgħad naqas. Madankollu, skont l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, il-livelli tal-impjiegi baqgħu taħt dawk li kienu prevalenti qabel il-pandemija. Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta' 3.9%, inqas mir-rata ta' 4.4% rreġistrata fil-kwart preċedenti, iżda f'livell ogħla mir-rata ta' 3.6% rreġistrata sena qabel. Madankollu, ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika u ferm inqas minn dik fiż-żona tal-euro, li kienet fil-livell ta' 8.5%.

L-inflazzjoni baqgħet baxxa. L-inflazzjoni annwali mkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur battiet għal 0.1% f'Marzu, minn 0.2% f'Diċembru, xprunata minn tkabbir inqas mgħaġġel fil-prezzijiet tas-servizzi u l-ikel ipproċessat. L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infiq minn residenti f'Malta, kienet fil-livell ta' 0.4%, żieda minn 0.2% f'Diċembru.

Matul l-ewwel kwart tal-2021, il-finanzi tal-gvern ġenerali baqgħu affettwati b'mod negattiv mill-COVID-19. Id-defiċit tal-gvern ġenerali kien ħafna ikbar minn dak irreġistrat fl-istess perjodu sena qabel. Meta mkejjel fuq bażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il-bilanċ tal-gvern ġenerali rreġistra defiċit ta' 10.6% tal-PDG, meta mqabbel ma' defiċit ta' 10.2% fir-raba' kwart tal-2020. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG żdied għal 59.0% minn 54.8% fl-aħħar ta' Diċembru 2020. Għalkemm l-istokk tal-assi finanzjarji miżmuma mill-Gvern żdied matul il-perjodu kopert, iż-żieda fl-obbligazzjonijiet finanzjarji kienet aktar qawwija. B'hekk, is-sehem tal-valur finanzjarju nett fil-PDG iddeterjora.

Ir-Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kunsill Governattiv saħħaħ ix-xejra akkomodattiva tiegħu tal-politika monetarja matul l-ewwel kwart tal-2021. Il-Kunsill ikkonferma li l-Eurosistema ser tkompli twettaq xiri nett ta' assi taħt il-programm ta' xiri ta' emerġenza pandemika (PEPP) b'pakkett totali ta' €1,850.0 biljun. Dan ix-xiri mistenni jkompli mill-inqas sal-aħħar ta' Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm il-Kunsill iqis li l-fażi tal-kriżi tal-pandemija tkun intemmet. Fl-istess ħin, il-Kunsill qal ukoll li abbażi ta' evalwazzjoni konġunta tal-kundizzjonijiet finanzjarji u l-prospetti tal-inflazzjoni, ix-xiri ta' assi taħt il-PEPP matul it-tieni kwart tas-sena kien mistenni b'ritmu ferm aktar b'saħħtu meta mqabbel mal-ewwel xhur tas-sena.

Sadattant, il-Kunsill Governattiv afferma mill-ġdid l-impenji preċedenti tiegħu dwar ir-rati tal-imgħax u x-xiri ta' assi taħt il-Programm ta' Xiri ta' Assi.

Ir-Rivista tinkludi wkoll analiżi tal-irwol tal-provvista tal-elettriku rinnovabbli f'Malta. Barra minn hekk, ir-Rivista tiġbor fil-qosor ir-riżultati ta' studju li juża l-Household Budgetary Survey biex jesplora d-distribuzzjoni sħiħa tar-rata ta' tfaddil tal-households Maltin u jidentifika l-probabbiltà ta' tfaddil fuq firxa ta' karatteristiċi domestiċi. Barra minn hekk, ir-Rivista tistma rata ta' inflazzjoni għal households bi dħul baxx u tevalwa l-implikazzjonijiet tal-valur reali tal-benefiċċji soċjali mogħtija lil dawn il-households.

L-iktar edizzjoni riċenti tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2021 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank. 

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tielet ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2021

Lura lejn l-Arkivju