News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

29/07/2021

Munita kommemorattiva ġdida taż-€2 bit-tema tal-Eroj tal-Pandemija

F'Awwissu, il-Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita kommemorattiva taż-€2 bit-tema tal-'Eroj tal-Pandemija'.

Munita kommemorattiva ġdida taż-€2 - Eroj tal-Pandemija

Il-munita turi r-ritratt ikoniku ta' żewġ infermieri Maltin - Doreen Zammit u Charmaine Cauchi - meħud minn Diane Faenza, li hi stess infermiera fl-Isptar Mater Dei.

Il-munita hija inizjattiva li ħa l-Bank Ċentrali ta' Malta b'kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għas-Saħħa.

Il-munita tagħti ġieħ lis-settur tas-saħħa ta' Malta matul il-pandemija tal-COVID-19, speċjalment lill-frontliners. Hija simbolu tal-apprezzament nazzjonali għall-isforz u d-dedikazzjoni altruwisti tal-ħafna individwi li kienu fuq quddiem jirriskjaw saħħithom matul żminijiet diffiċli globali bħal dawn.

Ilum, il-Ħamis 29 ta' Lulju, fil-Bank saret ċerimonja fejn matulha l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna, ippreżenta coin card lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, l-Onorevoli Chris Fearne, f'isem il-frontliners. Ġew ippreżentati coin cards ukoll lit-tliet infermieri.

Il-Gvernatur Edward Scicluna qal: "Dan huwa att żgħir, imma sinifikanti, ta' gratitudni nazzjonali lejn l-isforzi altruwisti tal-ħafna individwi anonimi li kienu fuq quddiem matul dawn iż-żminijiet diffiċli, mhux biss għall-preżent iżda wkoll għall-futur."

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-Gvernatur u l-Bank Ċentrali ta' Malta talli fakkru x-xogħol iebes ta' dawk kollha li taw kontribut lis-settur tas-saħħa ta' Malta waqt il-pandemija.

"Meta mqabbla ma' pajjiżi oħrajn, Malta kisbet l-aqwa riżultati. Dan is-suċċess kien possibbli grazzi għall-frontliners tagħna, li ma beżgħux jew fittxew li jinħbew, iżda wrew perseveranza, kuraġġ u determinazzjoni biex niġġieldu l-virus u jgħinuna nerġgħu niksbu l-għajxien tagħna."

Il-muniti nħadmu fil-Monnaie de Paris fi Franza u għandhom il-marka tagħha. In-naħa nazzjonali ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Maria Anna Frisone, u turi żewġ professjonisti mediċi jippreparaw biex iħabbtu wiċċhom ma' dak li mhux mistenni. In-naħa ta' wara tal-munita turi n-naħa komuni taż-€2.

L-istampar tal-muniti ta' kwalità brilliant uncirculated hu limitat għal 60,000 munita, li ser ikunu disponibbli biss f'coin cards u ser jinbiegħu għal €15 kull waħda. B'din il-ħarġa, il-Bank ser ikun qiegħed jintroduċi stil ġdid ta' coin card li ser jiġi ppreżentat f'kartiera attraenti. Il-kards u l-kartiera ġew iddisinjati minn Melvin Bugeja, impjegat tal-Bank, u jinkorporaw rappreżentazzjoni ta' pittura kbira fuq ħajt tal-artist Justin Bonnici, u kif ukoll ir-ritratt tal-infermieri.

Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

A new €2 commemorative coin extolls the Heroes of the Pandemic

L-infermieri tal-ITU Charmaine Cauchi u Doreen Zammit, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Gvernatur Edward Scicluna, il-fotografa / infermiera Diane Faenza u l-artist tal-pittura fuq il-ħajt Justin Bonnici.

A new €2 commemorative coin extolls the Heroes of the Pandemic

A new €2 commemorative coin extolls the Heroes of the Pandemic

A new €2 commemorative coin extolls the Heroes of the Pandemic

A new €2 commemorative coin extolls the Heroes of the Pandemic

A new €2 commemorative coin extolls the Heroes of the Pandemic

Lura lejn l-Arkivju