News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

28/07/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tieni edizzjoni tal-Business Dialogue għall–2021

Il-laqgħat li saru bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta u n-negozji lokali matul it-tieni kwart tal-2021 juru dan li ġej:

  • Il-kundizzjonijiet ġenerali tan-negozju tjiebu b'mod sinifikanti.
  • In-negozji huma wkoll ħafna aktar ottimisti dwar il-kundizzjonijiet futuri tagħhom.
  • Il-pjanijiet ta' investiment baqgħu fil-biċċa l-kbira kif skedat.
  • In-negozji esprimew domanda ogħla għall-impjiegi. In-nuqqas ta' ħaddiema, speċjalment f'xi setturi, qed iqajjem tħassib kbir.
  • In-negozji rrappurtaw żieda fl-ispejjeż ta' produzzjoni, li f'xi każijiet wasslet għal żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ.

B'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tan-negozju saru pożittivi matul it-tieni kwart ta' din is-sena, għall-ewwel darba sa mill-bidu tal-pandemija. Filwaqt li fit-tieni kwart ta' din is-sena persentaġġ nett ta' 28% irrappurtaw titjib fil-kundizzjonijiet tan-negozju, fil-kwart preċedenti persentaġġ nett ta' 34% kienu rrappurtaw deterjorazzoni. Fil-fatt, madwar nofs in-negozji rrappurtaw żieda fl-attività, filwaqt li wieħed minn kull ħames kuntatti intervistati qalu li l-attività kummerċjali marret għall-agħar. Barra minn hekk, 30% qalu li l-kundizzjonijiet tan-negozju baqgħu l-istess.

Matul dan il-perjodu, il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw titjib fl-aspettattivi aktar minn irdoppja għal-livell ta' 33%. Madwar 40% tal-kuntatti qalu li jistennew li l-attività kummerċjali titjieb matul it-tliet xhur li ġejjin. L-istess numru ta' negozji jistennew li l-kundizzjonijiet jibqgħu l-istess. 5% biss tal-kumpaniji kkuntattjati jistennew li jmorru xi ftit għall-agħar. Il-proporzjon ta' dawk li kienu inċerti mill-prospetti tan-negozju għadu għoli, għalkemm inqas minn dak irraportat fit-tliet xhur preċedenti. L-inċertezza tibqa' għolja speċjalment f'xi sezzjonijiet tal-manifattura u f'servizzi relatati mat-turiżmu u d-divertiment.

Madwar żewġ terzi tal-kuntatti rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu dan l-aħħar, filwaqt li l-bqija tan-negozji ma esperjenzaw l-ebda tibdil f'dawn l-ispejjeż. Iż-żieda fil-prezzijiet għal ħafna materja prima kienet mgħaġġla f'dawn l-aħħar xhur, minħabba ż-żieda fid-domanda globali u limitazzjonijiet fil-provvista. Barra minn hekk, diversi negozji nnutaw żieda fl-ispejjeż internazzjonali tat-trasport. Għaldaqstant, is-sehem tan-negozji li rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ kważi rdoppja għal 37%. Madankollu, ftit aktar minn wieħed minn kull għaxar negozji (b'mod partikolari fis-setturi tal-kostruzzjoni, tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, u tas-servizzi) offrew skontijiet biex jattiraw id-domanda.

Il-maġġoranza tan-negozji kkuntattjati bejn April u Ġunju 2021 irrappurtaw li l-pjanijiet tagħom ta' investiment għadhom skont kif ippjanat. Fil-fatt, il-pjanijiet ta' investiment għal madwar 70% tan-negozji kkuntattjati komplew kif skedat, bi 15% oħra jirrappurtaw posponiment. L-ebda minn dawk li wieġbu ma kkanċellaw investimenti fit-tieni kwart, iżda proporzjon mhux negliġibbli ta' negozji rrappurtaw li m'għandhom l-ebda investiment ippjanat.

L-aspettattivi għas-suq tax-xogħol huma aktar inkoraġġanti peress li 38% nett tan-negozji qed jippjanaw li jżidu l-ħaddiema. B'kuntrast, fl-ewwel kwart tas-sena, in-negozji ġeneralment stennew tnaqqis fin-numru ta' impjegati. Madankollu, reġgħu tfaċċaw mill-ġdid il-problemi ta' nuqqas ta' ħaddiema.

Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju