News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

23/07/2021

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 07/2021

F'Ġunju, l-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju kompla jindika tkabbir fl-attività ekonomika, hekk kif l-ekonomija kompliet tirkupra mil-livelli baxxi ħafna osservati fl-2020. L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juri li s-sentiment naqas xi ftit, iżda baqa' ferm ogħla mill-medja storika u pożittiv fis-setturi kollha, minbarra fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19 - indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, ekonomiċi u oħrajn relatati mas-saħħa li ġew introdotti b'reazzjoni għall-pandemija - naqset sal-aħħar ta' Ġunju mix-xahar ta' qabel iżda baqgħet f'livell ogħla minn dak irrappurtat fiż-żona tal-euro. Dan it-tnaqqis jirrifletti l-aktar ir-rilaxxar tar-restrizzjonijiet.

F'Mejju, il-produzzjoni industrijali kibret b'rata annwali inqas mgħaġġla meta mqabbla ma' xahar qabel, filwaqt li t-tkabbir fil-volum tal-bejgħ bl-imnut aċċellera f'termini annwali.

L-għadd ta' permessi għal bini kummerċjali u residenzjali naqas f'termini annwali wara li żdied xahar qabel. Fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' proprjetajiet residenzjali, f'Ġunju l-għadd ta' kuntratti u konvenji żdied b'ritmu inqas mgħaġġel fuq bażi annwali. Din iż-żieda tirrifletti l-effetti tat-tnaqqis esperjenzat is-sena l-oħra matul il-lockdown parzjali, kif ukoll skemi tal-gvern maħsuba biex jappoġġjaw is-suq tal-proprjetà.

F'Mejju, in-numru ta' persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas meta mqabbel ma' April u ma' sena qabel. Ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess bħal ta' April, jiġifieri 3.7%, u ferm taħt il-medja storika tagħha.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet marġinalment għal 0.2% f'Mejju, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut għoliet għal 1.3%. Id-differenza bejn iż-żewġ miżuri tal-inflazzjoni tirrifletti fatturi tekniċi relatati mar-reviżjoni tas-sehem abbinat mal-komponenti tal-HICP għas-sena 2021. L-inflazzjoni mkejla skont l-HICP baqgħet fil-livell ta' 0.2% f'Ġunju.

L-Aġġornament Ekonomiku jinkludi wkoll data dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura tas-self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti f'Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal-aħħar ta' Mejju kompla jonqos bi ftit għal €151.2 miljun, ekwivalenti għal 1.3% tas-self pendenti u madwar 8.0% tal-moratorju meta dan kien l-ogħla f'Lulju 2020. Dan jissuġġerixxi rkupru fid-dħul u, għal xi wħud, l-iskadenza tal-perjodi tal-moratorji. Sal-aħħar ta' Mejju 2021 ġew approvati 601 faċilità ġdida taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme lil negozji milquta mill-pandemija, għal skopijiet ta' kapital operattiv u ta' ħlas lura tas-self, li jkopru total ta' self sanzjonat li jammonta għal €451.3 miljun, jew 58.0% tal-mira tal-iskema.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju