News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

21/07/2021

Il-Gvernatur jagħmel diskors ewlieni fil-konferenza tal-Finance Malta

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta Edward Scicluna ġie mistieden jagħmel diskors ewlieni waqt il-konferenza ta' din is-sena tal-Finance Malta. Il-Prof. Scicluna kellem lill-udjenza dwar l-implikazzjonijiet tar-Reviżjoni tal-Istrateġija li tlestiet dan l-aħħar mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-Prof. Scicluna huwa membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, li approva r-reviżjoni mnedija mill-President tal-BĊE Christine Lagarde meta ħadet l-irwol tagħha f'Novembru 2019. Din kienet l-ewwel reviżjoni tal-politika monetarja sa mill-2003.

Il-proċess ta' reviżjoni kien jinkludi diversi strati ta' partijiet ikkonċernati - inkluż il-pubbliku, mal-banek ċentrali nazzjonali - inkluż il-Bank Ċentrali ta' Malta - li organizzaw l-avvenimenti tas-smigħ tagħhom stess biex jiżguraw dibattitu mal-Eurosistema kollha. L-istrumenti u l-kunċetti kollha tal-politika monetarja ġew eżaminati bir-reqqa kemm mill-esperti u kif ukoll mill-Kunsill Governattiv.

Saru għadd ta' bidliet importanti bħala riżultat tar-reviżjoni.

Il-Prof. Scicluna spjega: "Għandna nżommu f'moħħna li l-mandat ewlieni tal-BĊE - skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea - huwa l-istabbiltà tal-prezzijiet. Madankollu, it-Trattat ma jispeċifikax xi tfisser l-istabbiltà tal-prezzijiet. Huwa hawnhekk fejn tidħol l-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE, li tikkwantifika l-istabbiltà tal-prezzijiet u min-naħa l-oħra tgħin biex jiġu ankrati l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni ... Issa r-rati baxxi tal-inflazzjoni qed jitqiesu bħala daqstant kawża ta' tħassib u b'riżultat ta' dan, il-mira issa ġiet stabbilita għal 2% - fuq żmien medju - u l-lok għal allarm mhuwiex biss għal rati ogħla minn dawk - iżda wkoll għal rati inqas minnha. Din id-deċiżjoni kienet immirata lejn il-possibbiltà li l-ambjent persistenti ta' inflazzjoni baxxa kien qed jiġi aggravat mill-ambigwità dwar il-livell tal-mira tal-inflazzjoni u l-perċezzjoni li l-għan kien wieħed assimetriku."

Ir-reviżjoni għamlet bidliet importanti oħra. Pereżempju, il-Kunsill Governattiv irrakkomanda li djar okkupati mis-sidien fi żmien xieraq jiġu inklużi fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur. Issa hemm ukoll pjan ta' azzjoni dwar kif il-BĊE ser jirrifletti b'mod aktar sistematiku l-kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu.

Aspett ieħor li ħareġ mir-reviżjoni kien l-importanza tal-komunikazzjoni: ser isiru għadd ta' bidliet fid-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-Kunsill Governattiv wara deċiżjonijiet tal-politika monetarja li għandhom jgħinu biex isiru aktar aċċessibbli għal udjenzi mhux tekniċi.

Il-Kunsill Governattiv huwa impenjat ukoll li jirrevedi l-istrateġija tiegħu tal-politika monetarja f'intervalli regolari, bl-evalwazzjoni li jmiss issir fl-2025.

Il-konferenza tal-Finance Malta saret fuq jumejn u inkludiet diskorsi ewlenin mill-Ministru għall-Finanzi u l-Impjiegi Clyde Caruana u l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ekonomija, is-servizzi finanzjarji u l-artijiet Kristy Debono, fost kelliema lokali u internazzjonali oħra. Il-konferenza għalqet b'intervisti mal-Prim Ministru Robert Abela u l-kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Tista' taqra d-diskors sħiħ tal-Gvernatur hawn.

Lura lejn l-Arkivju