News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

07/07/2021

Direttiva ġdida tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li taffettwa pagamenti b’ċekkijiet mill-2022

Il-Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) qed joħroġ id-Direttiva Nru 19 li ser tidħol fis-seħħ fl-2022 u ser tintroduċi regolamenti dwar l-użu ta' ċekkijiet u bank drafts. Id-Direttiva nħarġet taħt il-mandat tal-Bank Ċentrali skont l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, u jorbot lill-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu f'Malta. Il-Bank qiegħed jistabbilixxi wkoll indirizz elettroniku ddedikat - [email protected] - għal kwalunkwe mistoqsija.

Dawn huma l-bidliet ewlenin li ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2022:

  • Ċekkijiet ser ikunu jistgħu jissarrfu jew ikkreditati biss lill-persuna msemmija fiċ-ċekk mill-pagatur;
  • Ċekkijiet ma jistgħux ikunu b'data fil-futur, u jistgħu jiġu aċċettati fi kwalunkwe każ jekk ikunu ppreżentati qabel dik id-data futura;
  • Ċekkijiet ta' aktar minn €5,000 jistgħu jiġu ddepożitati biss fil-kont tal-benefiċjarju stess;
  • Ċekkijiet ma jistgħux jinħarġu għal ammonti ta' inqas minn €20;
  • Faċilitajiet ta' ċekkijiet jiġu rtirati jekk jinħarġu ċekkijiet ripetutament li ma jistgħux jiġu onorati;
  • Fornituri tas-servizzi ser jiżguraw li l-informazzjoni kollha relatata maċ-ċekkijiet tinżamm għal mill-inqas ħames snin;
  • Utenti li jiksru r-regolamenti huma soġġetti għal multi sa €200 għal kull kontravenzjoni.

Id-Direttiva nħarġet f'kollaborazzjoni sħiħa mal-Assoċjazzjoni Bankiera Maltin (MBA) li tikkunsidra dan bħala żvilupp pożittiv li jnaqqas il-possibbiltà li strumenti bħal dawn jintużaw għal skopijiet ta' ħasil ta' flus. L-MBA temmen ukoll li, permezz ta' provvedimenti regolatorji komuni, dan ser inissel ċertezza fl-użu tal-prodotti fl-ambitu tad-direttiva l-ġdida kemm għall-utenti kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi.

L-MBA qalet li l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ser tbiddel irrevokabbilment ix-xenarju tal-pagamenti tal-pajjiż u tiżgura bidla ulterjuri għal modi aktar effiċjenti ta' pagament, f'konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Pagamenti Elettroniċi ta' Awwissu 2018.

Wara l-kooperazzjoni eċċellenti matul l-istadji ta' konsultazzjoni ta' din id-direttiva, l-MBA u l-membri tagħha jimpenjaw ruħhom li jaħdmu mill-qrib mal-Bank biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva sabiex tiġi żgurata t-trasformazzjoni kontinwa tax-xenarju tal-pagamenti lokali mill-1 ta' Jannar 2022.

Direttiva ġdida tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li taffettwa pagamenti b’ċekkijiet mill-2022

Il-Bank diġà jinsab impenjat ma' diversi partijiet ikkonċernati - inklużi fornituri tas-servizzi - biex jiżgura li t-tranżizzjoni għar-regoli l-ġodda tkun effettiva. Ta' min jinnota li l-fornituri tas-servizzi diġà introduċew b'mod proattiv numru ta' miżuri f'din id-direttiva matul l-aħħar sentejn.

Qed titnieda kampanja ta' komunikazzjoni komprensiva mill-Bank, l-MBA u l-membri tal-MBA fix-xhur li ġejjin biex jiġi żgurat li l-pubbliku jsir konxju tad-drittijiet u l-obbligi tiegħu skont ir-regoli l-ġodda u kif ukoll tipprovdi informazzjoni prattika dwar l-implikazzjonijiet tal-provvedimenti ġodda, filwaqt li jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi jippromwovu l-mezzi alternattivi rispettivi ta' pagament disponibbli għalihom sabiex l-utenti jkollhom żmien biżżejjed biex jippreparaw għall-iskadenza ta' Jannar 2022.

Ir-regolamenti huma parti minn sforz mill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-pagamenti jsiru skont l-aspettattivi internazzjonali kontra l-ħasil tal-flus, u jkomplu jkunu sikuri u effettivi għall-utenti tagħhom.

Il-mira ewlenija tar-regolament hija li jiġi żgurat li ċ-ċekk isir strument ta' pagament mhux trasferibbli minn min iħallas għall-benefiċjarju. Ir-regolament jillimita wkoll l-użu ta' ċekkijiet li ma jistgħux jissarrfu qabel id-data speċifikata filwaqt li jagħti mandat lill-banek biex jirtiraw is-servizzi tagħhom għall-utenti li ripetutament joħorġu ċekkijiet li ma jistgħux jiġu onorati mill-bank tagħhom. Ir-regolament jipprojbixxi wkoll lill-fornituri tas-servizzi milli jsarrfu ċekkijiet b'ammonti ta' aktar minn €5,000. Dawn issa huma mistennija li jiġu kkreditati fil-kont tal-benefiċjarju.

Ir-regolament jallinja max-xejra dejjem tikber, indikata minn dawk li wieġbu għall-istħarriġ f'Malta li biħsiebhom iżidu l-użu tagħhom tat-trasferimenti tal-kreditu, id-debiti diretti, flimkien mal-kards tad-debitu u tal-kreditu fil-futur, għad-detriment tal-użu taċ-ċekkijiet. Iċ-ċekkijiet jibqgħu prodott ta' pagament ineffiċjenti ħafna li huwa suxxettibbli għal kwistjonijiet ta' ħasil tal-flus, filwaqt li huma dgħajfin bl-assigurazzjonijiet tagħhom kemm għall-pagatur kif ukoll għall-benefiċjarju.

Directive 19

Guidance Notes - Directive 19

Lura lejn l-Arkivju