News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

21/06/2021

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 06/2021

F'Mejju, il-kundizzjonijiet tan-negozju kienu pożittivi, hekk kif l-ekonomija kompliet tirkupra mill-iskoss ekonomiku kkaġunat mill-COVID-19. Id-data tal-Kummissjoni Ewropea, fil-fatt, turi li s-sentiment kien pożittiv fis-setturi kollha - apparti fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li kien marġinalment negattiv. B'mod ġenerali, is-sentiment ekonomiku niżel bi ftit f'Mejju iżda baqa' ogħla mill-medja storika tiegħu.

L-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19 - indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, ekonomiċi u oħrajn relatati mas-saħħa li ġew introdotti b'reazzjoni għall-pandemija - hu stmat li naqas għal 66.7 sal-aħħar ta' Mejju minn 73.8 xahar qabel iżda baqa' marġinalment ogħla mill-istima ta' 66.2 irrappurtata fiż-żona tal-euro. Dan it-tnaqqis jirrifletti l-aktar ir-rilaxxar kontinwu tar-restrizzjonijiet, li daħal fis-seħħ kif skedat.

F'April, il-produzzjoni industrijali kibret b'mod sinifikanti fuq April tas-sena l-oħra, wara tnaqqis irreġistrat għal ħames darbiet konsekuttivi, filwaqt li l-volum tal-bejgħ bl-imnut irkupra b'mod qawwi f'termini annwali.

Ir-rata annwali ta' tibdil fin-numru ta' permessi maħruġa għal bini kummerċjali battiet meta mqabbla ma' xahar qabel, filwaqt li dik tal-permessi maħruġa għal bini residenzjali saret pożittiva. Fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' proprjetajiet residenzjali, f'Mejju l-għadd ta' kuntratti u konvenji żdiedu sew fuq bażi annwali. Din iż-żieda qawwija tirrifletti l-effetti tat-tnaqqis esperjenzat is-sena l-oħra matul il-lockdown parzjali, kif ukoll skemi tal-gvern maħsuba biex jappoġġjaw is-suq tal-proprjetà.

L-għadd ta' nies fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas meta mqabbel ma' Marzu u ma' sena qabel, filwaqt li r-rata tal-qgħad baqgħet l-istess meta mqabbla ma' xahar qabel, u ferm taħt il-medja storika.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) baqgħet l-istess fil-livell ta' 0.1% f'April, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut aċċellerat għal 0.9%. Id-differenza bejn iż-żewġ miżuri ta' inflazzjoni tirrifletti fatturi tekniċi relatati mat-tnaqqis fil-piż li oġġetti relatati mat-turiżmu għandhom fl-HICP.

L-Aġġornament Ekonomiku jinkludi wkoll data dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura tas-self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti f'Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal-aħħar ta' April kompla jonqos bi ftit għal €281.8 miljun, ekwivalenti għal 2.3% tas-self pendenti u madwar wieħed minn seba' tal-moratorju meta dan laħaq il-milja tiegħu f'Lulju 2020. Dan jissuġġerixxi rkupru fid-dħul u, għal xi wħud, l-iskadenza tal-perjodi tal-moratorji. Sal-aħħar ta' April 2021 ġew approvati 587 faċilità ġdida taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme lil negozji milquta mill-pandemija, għal skopijiet ta' kapital operattiv u ta' ħlas lura tas-self, li jkopru total ta' self sanzjonat li jammonta għal €444.4 miljun, jew 57.1% tal-mira tal-iskema.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju