News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

19/05/2021

Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Università ta’ Macerata, l-Italja

Il-Bank Ċentrali ta' Malta daħal fi ftehim ta' kooperazzjoni mal-Università ta' Macerata li jinvolvi l-iżvilupp ta' mudell Computable General Equilibrium (CGE) għal Malta. Il-mudell ser ikun jikkumplimenta s-sett eżistenti ta' mudelli li qed jintużaw bħalissa fil-Bank.

Skont il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Prof. Scicluna, "Dan it-tip ta' mudell huwa aktar addattat biex iwieġeb mistoqsijiet relatati kemm ma' skossi min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista għal setturi partikolari, kif ukoll biex ikejjel aħjar l-impatt tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-industrija."

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Prof. Scicluna u l-Prof. Francesco Adornato, Rettur tal-Università ta' Macerata. Is-superviżur xjentifiku ta' dan il-proġett huwa l-Prof. Claudio Socci mill-Università ta' Macerata.

Id-Dipartiment tal-Ekonomija u l-Liġi fl-Università ta' Macerata għandu kompetenza fil-bini ta' Social Accounting Matrices nazzjonali u multireġjonali, u mudelli CGE għall-analiżi tal-impatt tal-politika eknomika għal ħafna pajjiżi. Mudell CGE huwa mudell fuq skala kbira li jissimula l-interazzjonijiet ewlenin fi ħdan ekonomija, b'mod partikolari l-interdipendenzi bejn is-swieq tal-prodotti differenti, is-swieq tal-fatturi ta' produzzjoni u s-setturi istituzzjonali.

Minbarra l-iżvilupp ta' mudell CGE għal Malta, il-ftehim jinkludi wkoll it-taħriġ tal-impjegati tal-Bank, li ser ikollhom l-opportunità li jiksbu ħiliet fl-iżvilupp u ż-żamma ta' mudelli CGE. It-tim tal-Bank jinkludi lil Mr Noel Rapa, u ċ-Chief Economist tal-Bank Dr Aaron Grech bil-parteċipazzjoni attiva ta' Dr Ian P. Cassar mill-Università ta' Malta - espert fl-immudellar tal-Input Output li ser jinteraġixxi wkoll mat-tim ta' riċerkaturi fl-Università ta' Macerata.

Kooperazzjoni bħal din hija ta’ benefiċċju wkoll biex jiżdiedu r-rabtiet bejn il-Bank u istituzzjonijiet akkademiċi ewlenin.

Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Università ta’ Macerata, l-Italja

(Mix-xellug): Noel Rapa, Manager Modelling Office fir-Research Department, iċ-Chief Economist tal-Bank Aaron Grech, il-Gvernatur Edward Scicluna u d-Deputat Gvernatur Alexander Demarco

Lura lejn l-Arkivju