News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

03/05/2021

Lil hinn mill-COVID-19: Urġenza għall-addattament għan-normalità ġdida qed tiżdied - BEI

Filwaqt li l-investiment minn kumpaniji Maltin kien ferm affettwat mill-COVID-19, b’aktar minn nofs il-kumpaniji jirrapportaw li qed jinvestu inqas, l-urġenza għall-addattament għan-normalità ġdida qed tiżdied.

Dan intqal waqt preżentazzjoni tal-istħarriġ annwali li sar mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ ġew spjegati waqt webinar organizzat b’mod konġunt mill-BEI u l-Bank Ċentrali ta’ Malta (il-Bank).

L-istħarriġ – li sar bejn Mejju u Awwissu 2020 – żvela li minkejja s-severità tal-kriżi, l-ostakli rikonoxxuti għall-investiment kienu inqas mis-sena ta’ qabel, ħlief għall-inċertezza ġenerali prevalenti u d-disponibbiltà tal-finanzi. Il-BEI sab li r-restrizzjonijiet fil-finanzjament kienu akbar fis-settur tal-kostruzzjoni u l-manifattura u għall-kumpaniji mikro u żgħar.

L-istħarriġ ta ħarsa wkoll lejn l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali u l-investiment fil-mitigazzjoni tal-bdil fil-klima.

L-EIB Group Survey on Investment and Investment Finance ilu jsir annwalment sa mill-2016 fl-Istati Membri kollha tal-UE – inkluża Malta – u jkopri kampjun ta’ kumpaniji fir-Renju Unit u fl-Amerka. Il-webinar li sar it-Tnejn kien wieħed minn serje li qed jiġu organizzati mill-BEI fl-Istati Membri.

Preżentazzjoni dwar l-ekonomija Maltija saret mill-Kap tal-Economic Analysis Department tal-Bank Rita Schembri.

Il-webinar, li għalih kien hemm attendenza tajba ħafna, kien indirizzat mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, filwaqt li d-diskorsi tal-ftuħ saru mill-Viċi-President tal-BEI Dario Scannapieco u d-Deputat Gvernatur tal-Bank Sandro Demarco.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna mexxa panel ta’ diskussjoni ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin involuti fil-finanzjament tal-investiment u t-trasformazzjoni tan-negozju. Dawn kienu jinkludu lil Mahmood Pradhan, Deputat Direttur, Dipartiment Ewropew, IMF, Josef Bonnici, President tal-Malta Development Bank, Rick Hunkin, President tal-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin, Marisa Xuereb, President tal-Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry, Paul Abela, President tal-Malta Chamber of SMEs, u Andrea Clerici mir-Rome Office tal-BEI.

Id-diskussjoni tal-panel ittrattat uħud mill-iktar aspetti saljenti fir-rigward tal-irkupru ekonomiku, l-ewwel bil-fehim li għandna nħarsu lejn ‘normalità ġdida’, aktar milli nassumu li l-affarijiet sempliċement imorru lura għall-mod li kienu qabel il-pandemija. Il-membri fuq il-panel enfasizzaw l-importanza tal-investiment - partikolarment fejn tidħol id-diġitalizzazzjoni u l-bdil fil-klima - u l-vantaġġi tax-xenarju regolatorju ta’ Malta. M'hemm l-ebda dubju li l-pandemija hija waħda mill-akbar sfidi li l-ekonomija tagħna ffaċċjat. Madankollu, kien ċar ukoll mid-diskussjoni li waħda mill-iktar affarijiet importanti ma kinitx biss l-aċċess għall-finanzi iżda biex isserraħ ras il-kumpaniji li jista’ jkollhom il-fiduċja li hija prerekwiżit għall-investiment.

Meta kkummenta dwar il-laqgħa, il-Prof. Scicluna stqarr: “Konna ffortunati li kellna grupp eċċellenti ta’ kelliema minn istituzzjonijiet ewlenin f’Malta, il-Lussemburgu u Washington. Il-perspettivi tagħhom tal-perjodu ta' wara l-pandemija taw lil-laqgħa għarfien dwar kif jitnaqqsu d-differenzi diġitali u ekoloġiċi eżistenti.”

Il-Gvernatur Prof. Scicluna waqt il-webinar

Webinar Speakers

Lura lejn l-Arkivju