News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

29/04/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jniedi pubblikazzjoni ġdida - CBM Business Dialogue

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed iniedi pubblikazzjoni ġdida li ser tibda toħroġ kull tliet xhur: is-CBM Business Dialogue.

Il-pubblikazzjoni tiġbor fil-qosor ir-riżultati miksuba minn laqgħat li saru mill-ekonomisti tal-Bank ma’ rappreżentanti ta’ azjendi u istituzzjonijiet. Dawn id-diskussjonijiet jieħdu l-forma ta’ intervista qasira minflok forma ta’ stħarriġ. Dan jipprovdi lill-parteċipanti l-opportunità li jistaqsu dwar kwalunkwe materja li jqisu rilevanti għall-organizzazzjoni tagħhom u jippermetti lill-Bank jiġbor informazzjoni li altrimenti tkun diffiċli ħafna li tinkiseb.

Skont il-Gvernatur tal-Bank, il-Prof. Edward Scicluna, “Dan l-eżerċizzju għandu l-għan li jissupplimenta l-istatistika uffiċjali – li ta’ spiss tiġi ppubblikata b’lura – b’aktar tagħrif f’waqtu u msaħħaħ dwar l-andament tal-kumpaniji. Matul l-aħħar ħames snin il-Bank żamm kuntatt regolari ma’ azjendi ewlenin, awtoritajiet u istituzzjonijiet oħra f'Malta. Dan sar sabiex jikseb għarfien utli f’ħin reali dwar l-andament tan-negozju, l-aspettattivi għall-attività kummerċjali, l-impjiegi u l-prezzijiet. Iżda l-informazzjoni nżammet għall-użu biss tal-Bank. Issa qed ngħaddu din l-informazzjoni utli – f’forma aggregata – lill-pubbliku.”

Informazzjoni miġbura bejn Jannar u Marzu 2021 turi li terz tal-kumpaniji li ġew ikkuntattjati matul l-ewwel trimestru tal-2021 irrapportaw żviluppi pożittivi, b’dan il-proporzjon ikun 6% ogħla minn dak fit-trimestru ta’ qabel. Iż-żewġ terzi l-oħra komplew jevalwaw il-kundizzjonijiet tan-negozju attwali bħala dgħajfa u ferm taħt il-livelli ta’ qabel il-COVID-19.

Matul dan il-perjodu, 43% tal-kuntatti stennew li l-attività kummerċjali tibqa' l-istess matul ix-xhur li ġejjin. Sadattant, 27% tal-kumpaniji kkuntattjati stennew li l-attività kummerċjali tagħhom ser titjieb fiż-żmien li ġej, filwaqt li 14% stennew li ser tiddeterjora xi ftit. Il-proporzjon ta’ dawk li rrapportaw li l-prospetti tan-negozju għadhom inċerti, naqsu bin-nofs meta mqabbla mal-aħħar trimestru tal-2020, iżda baqgħu sinifikanti fil-livell ta’ 16%.

CBM Business Dialogue 1 2021 - Balance

Aktar minn tliet kwarti tal-kuntatti rrapportaw li kemm il-prezzijiet ta’ produzzjoni u kif ukoll tal-bejgħ baqgħu l-istess fix-xhur ta’ qabel. Madwar 20% tan-negozji kkuntattjati qalu li l-ispejjeż ta’ produzzjoni żdiedu u 17% għollew il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom b’reazzjoni għal dan.

Il-maġġoranza tal-kumpaniji kkuntattjati bejn Jannar u Marzu 2021 irrapportaw li l-pjanijiet tagħhom ta’ investiment għadhom skont kif ippjanat. Fil-fatt, il-pjanijiet ta’ investiment għal 69% tal-kumpaniji kkuntattjati komplew kif skedat, bi 13% oħra jirrapportaw posponiment. Il-proporzjon ta’ dawk li rrapportaw li xi investimenti ġew ikkanċellati kien żgħir.

Is-sitwazzjoni tal-impjiegi baqgħet ġeneralment stabbli fost il-kumpaniji intervistati fl-ewwel trimestru tal-2021, b’81% minnhom ma jirrappurtaw l-ebda tibdil fil-pjanijiet dwar l-impjiegi. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji għadhom jibbenefikaw mill-Iskema tas-Suppliment tal-pagi tal-Gvern, li kienet b’mod ġenerali meqjusa bħala essenzjali biex jinżammu l-livelli attwali tal-impjegati. Il-kumplament kienu maqsuma kważi b’mod indaqs bejn dawk li qed jirrivedu l-pjanijiet tagħhom dwar l-impjiegi ’l fuq u dawk li rrivedewhom l isfel. F’xi każijiet, dan irrifletta sensji volontarji – hekk kif impjegati marru f’setturi meqjusa aktar reżiljenti u dawn ma ġewx sostitwiti.

Il-pubblikazzjoni sħiħa tinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju