News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

23/04/2021

Ħruġ ta’ munita ġdida mill-Bank Ċentrali ta’ Malta li tfakkar it-twelid ta’ Albrecht Dürer

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Bank Ċentrali ta' Malta se joħroġ muniti numismatiċi tad-deheb u tal-fidda li jfakkru l-550 anniversarju mit-twelid tal-artist Albrecht Dürer.

Il-munita tad-deheb għandha valur nominali ta' €50, u l-munita tal-fidda għandha valur nominali ta' €10. Il-muniti ta' €10 huma limitati għal 1,000 waħda u huma maħduma f'0.925 fidda. Kull munita tiżen 28.28g u għandha dijametru ta' 38.61mm. Il-muniti ta' €50 huma limitati għal 400 waħda biss, u kull waħda hi maħduma f'0.916 deheb, tiżen 6.5g u għandha dijametru ta' 21mm. Il-muniti tad-deheb u tal-fidda huma maħduma f'verżjoni proof.

Il-muniti ġew iddisinjati u ntaljati minn Noel Galea Bason u nħadmu fiż-Zekka Rjali Olandiża. Fuq in-naħa ta' quddiem tal-muniti hemm l-arma ta' Malta. Fuq in-naħa ta' wara hemm rappreżentazzjoni ta' waħda mill-inċiżjonijiet fuq l-injam ta' Dürer, imsejħa 'San Ġorġ u d-Dragun'.

Albrecht Dürer twieled fil-belt ta' Nuremberg fil-21 ta' Mejju 1471. Għalkemm ix-xogħol tiegħu kien influwenzat mill-aħħar fażi tal-istil Gotiku Ġermaniż, il-vjaġġi tiegħu fl-Italja ġabuh f'kuntatt mar-Rinaxximent Taljan, li influwenzah profondament. Hu kien artist ta' ħila kbira iżda hu mfakkar l-iktar għall-għadd kbir ta' inċiżjonijiet li għamel: madwar 346 riljiev inċiż fuq l-injam u 108 inċiżjoni fuq ir-ram. Permezz ta' Dürer, l-arti tal-inċiżjoni saret forma ta' arti nobbli. Il-prints tiegħu huma apprezzati għall-kwalitajiet estetiċi tagħhom, id-dettalji komplikati u rqaq tagħhom, u t-teknika ta' ħila kbira użata biex toħloq sfumaturi u fond spazjali.

Dürer hu ikona tal-arti Ġermaniża u Ewropea, u x-xogħlijiet tiegħu jinsabu f'mużewijiet u galleriji fid-dinja kollha. F'Malta, il-Mużew tal-Katidral tal-Imdina għandu kollezzjoni prestiġjuża ta' madwar 74 opra oriġinali - 60 riljiev inċiż fuq l-injam u 14-il inċiżjoni - inkluż 'San Ġorġ u d-Dragun', li ispira x-xogħol artistiku tal-munita tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Il-Bank nieda vidjo qasir u informattiv dwar il-kollezzjoni ta' Dürer li tinsab fil-mużew, kif ukoll dwar l-inċiżjoni magħżula għat-tnedija ta' dawn il-muniti numiżmatiċi. Tista' tara l-vidjo hawn taħt. Il-Mużew tal-Katidral tal-Imdina se jorganizza wirja ddedikata lil Dürer mill-21 ta' Mejju sa Awwissu.

Min hu interessat jista' jixtri l-muniti direttament mill-e-shop tal-Malta Coin Centre (MCC). Il-prezz tal-muniti tad-deheb hu ta' €350, waqt li dak tal-muniti tal-fidda hu ta' €65.

Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-MCC, li jista' jiġi kkuntattjat bl-email fuq [email protected], jew billi wieħed iċempel fuq +356 2550 6006/7. Verżjoni diġitali tal-programm tal-muniti għall-2021 hi disponibbli fuq is-siti elettroniċi tal-MCC u tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

coincoin

Lura lejn l-Arkivju