News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

24/03/2021

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 3/2021

Il-biċċa l-kbira tad-data rrappurtata f'din il-ħarġa tal-Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Jannar 2021. L-aħħar data għall-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea u l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta' Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jirreferu għal Frar 2021, filwaqt li l-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19 huwa sal-15 ta' Marzu 2021.

Fi Frar, l-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju tjieb marġinalment meta mqabbel max-xahar ta' qabel. L-indiċi baqa' ferm taħt il-livell tiegħu fl-istess xahar tal-2020 u jkompli jindika livelli baxxi ta' attività minħabba x-xenarju ekonomiku dgħajjef ikkawżat mill-COVID-19.

L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19 - li huwa indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, ekonomiċi u oħrajn relatati mas-saħħa li ġew introdotti b'reazzjoni għall-pandemija - kienet fil-livell ta' 64.0 fl-aħħar ta' Frar 2021. Dan ma nbidilx mix-xahar ta' qabel, iżda baqa' taħt il-livell ta' 71.0 rrapportat fiż-żona tal-euro. Madankollu, wara restrizzjonijiet ġodda introdotti fl-ewwel nofs tax-xahar ta' Marzu, l-indiċi ta' Malta żdied għal 77.3 sal-15 ta' Marzu.

Fi Frar, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea laħaq l-ogħla livell ta' 88.1 f' dawn l-aħħar ħames xhur, għalkemm baqa' taħt il-medja storika tiegħu. Il-fiduċja żdiedet fl-industrija u wkoll, għalkemm b'inqas, fost il-bejjiegħa u fis-settur tas-servizzi. B'mod ġenerali, il-fiduċja ddeterjorat b'mod konsiderevoli fis-settur tal-kostruzzjoni u, b'inqas, fost il-konsumaturi. Għalkemm l-iżviluppi reċenti varjaw bejn is-setturi, is-sentiment kien negattiv f'kull wieħed minnhom.

F'Jannar, il-produzzjoni industrijali naqset b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbla max-xahar ta' qabel. Il-volum tal-bejgħ bl-imnut naqas f'termini annwali, wara li żdied f'Diċembru. Min-naħa l-oħra, l-għadd ta' permessi għal bini kummerċjali u residenzjali maħruġa naqas b'rata annwali inqas mgħaġġla minn dik fix-xahar ta' qabel.

L-għadd ta' nies fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas meta mqabbel ma' Diċembru, filwaqt li r-rata tal-qgħad baqgħet l-istess mix-xahar ta' qabel.

L-inflazzjoni kienet baxxa ħafna f'Jannar. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur baqgħet l-istess fil-livell ta' 0.2%. Sadanittant, l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet marġinalment għal 0.3%.

L-Aġġornament jirrapporta wkoll dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura tas-self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti f'Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal-aħħar ta' Jannar kompla jonqos bi ftit għal €685.3 miljun, ekwivalenti għal 5.8% tas-self pendenti relatat, hekk kif xi negozji u households komplew bil-ħlasijiet lura tagħhom tas-self, li jindika rkupru fid-dħul. Sal-aħħar tal-2020, ġew approvati 547 faċilità taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, għal skopijiet ta' kapital operattiv, lil negozji milquta mill-pandemija, li jkopru total ta' self sanzjonat li jammonta għal €412.7-il miljun, ekwivalenti għal aktar minn nofs il-mira tal-iskema.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju