News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

16/03/2021

Webinar tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li janalizza t-trasformazzjoni diġitali

Skont l-Accenture Technology Vision 2021, kważi żewġ terzi tad-diriġenti mistħarrġa qalu li t-trasformazzjoni diġitali tal-kumpanija tagħhom kienet qed taċċellera, filwaqt li erbgħa minn kull ħamsa qalu li kienu qed jiffaċċjaw bidliet teknoloġiċi b’veloċità u ta’ skala bla preċedent.

Dan kien wieħed mill-punti li qajmet Ladan Davarzani, prinċipal għoli fi ħdan l-Accenture Research ibbażata f’Londra. Ms Davarzani ppreżentat lekċer pubblika onlajn intitolata ‘Digital Transformation: Realising the Full Value of Emerging Technologies’, li ġiet organizzata riċentement mill-Economic Research Department tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Il-Cloud u l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) huma l-maġġoranza l-kbira tat-teknoloġiji li qed jiġu kkunsidrati mill-kumpaniji, b’tal-ewwel meqjusa minn 90% minnhom bħala l-aktar mod effettiv biex ikunu aġli u reżiljenti.

Filwaqt li enfasizzat li l-ħaġa importanti kienet li jinkiseb valur għall-intrapriża mit-teknoloġija adottata, hija nnotat li skont studju tal-Accenture, l-IA kellha l-potenzjal li tirdoppja t-tkabbir ekonomiku sal-2035, fit-12-il pajjiż li kienet analizzat.

Madankollu, hija enfasizzat li dawk li jfasslu l-politika għandhom ikunu konxji dwar l-iżvantaġġi assoċjati mat-tibdil teknoloġiku, bħat-twessigħ tad-distakk diġitali, it-telf tal-impjiegi, it-tħassib etiku, u ċ-ċiberkriminalità. Dan l-aspett qajjem għadd ta’ mistoqsijiet mill-udjenza – għalkemm kien hemm qbil wiesa’ li b’mod ġenerali t-teknoloġiji emerġenti għandhom il-potenzjal li jgħinu lill-ekonomiji żviluppati jindirizzaw sfidi importanti bħat-tnaqqis previst fir-riżorsi disponibbli tax-xogħol li jirriżulta mit-tixjiħ tal-popolazzjoni.

Il-webinar beda b’introduzzjoni miċ-Chief Economist tal-Bank Aaron Grech, li nnota kif it-trasformazzjoni diġitali tista’ tippreżenta opportunitajiet sinifikanti għall-ekonomija Maltija, hekk kif tgħin biex jitnaqqsu l-iżvantaġġi li jirriżultaw min-natura periferali tal-gżejjer vis-à-vis is-swieq ewlenin tagħna. Huwa nnota wkoll kif din it-trasformazzjoni tista’ tkun kruċjali għas-suċċess tal-pjan li jsiru newtrali fir-rigward tal-karbonju sal-2050.

Il-filmat tal-webinar huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Bank hawnhekk.

Il-webinar kien l-ewwel avveniment tal-2021 b’oħrajn ippjanati matul din is-sena. Kull min jixtieq li jiġi avżat dwar avvenimenti futuri jista’ jsegwi l-paġna dwar Avvenimenti tal-Bank fuq Facebook, u fuq LinkedIn. Jistgħu wkoll jirreġistraw permezz tas-sit elettroniku sabiex jirċievu notifika apposta meta tiġi ppubblikata informazzjoni ta’ interess għalihom.

Ms Davarzani

Lura lejn l-Arkivju