News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

24/02/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa fi proġett ta’ kirjiet residenzjali

Ekonomisti mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta qed jipparteċipaw fil-Private Residential Leases Observatory li twaqqaf mill‑Awtorità tad‑Djar – bħala r‑regolatur tas‑suq tal‑kiri privat – biex janalizza fid‑dettall l‑iżviluppi f’dan is‑settur.

Ir‑rappreżentanti tal‑Bank fil-Private Residential Leases Observatory ser jikkontribwixxu għall‑pubblikazzjoni The 2020 Malta Residential Study, li ser ikun rapport dettaljat li ser jagħti stampa aktar ċara u dettaljata tas‑suq tal‑kiri privat f’Malta.

Il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport ser tikkumplimenta s-sorsi eżistenti ta’ informazzjoni dwar is-suq tal-kiri privat. Barra minn hekk, ser tiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ riċerka, kemm ta’ natura ekonomika u kif ukoll soċjali, li huma diffiċli biex jitwettqu bl-informazzjoni li l-Bank għandu sal-lum.

Il‑Bank għandu storja twila ta’ monitoraġġ tal‑iżviluppi fis‑suq tad‑djar f’Malta. Il‑Bank kien l‑ewwel istituzzjoni li żviluppa indiċi tal‑prezzijiet tal‑proprjetà għal Malta, li għadu qed jiġi aġġornat u ppubblikat kull tliet xhur. Is‑suq tad‑djar jidher regolarment fil‑pubblikazzjonijiet tal‑Bank, kemm għal skopijiet ta’ analiżi ekonomika u kif ukoll ta’ stabbiltà finanzjarja. Fil‑fatt, f’dawn l‑aħħar ftit snin, ekonomisti mill‑Bank ippubblikaw diversi studji analitiċi u tekniċi relatati mas‑settur tal‑proprjetà f’Malta. Barra minn hekk, il‑Bank jipparteċipa regolarment f'fora domestiċi u internazzjonali relatati mas‑settur tad‑djar.

Lura lejn l-Arkivju