News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

22/02/2021

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 2/2021

Il-biċċa l-kbira tad-data rrappurtata f'din il-ħarġa tal-Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Diċembru 2020 u tirrifletti l-estensjoni tal-miżuri restrittivi fuq il-bars u l-klabbs soċjali minħabba żieda mill-ġdid fil-każijiet tal-COVID-19. L-aħħar data għall-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, l-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19, u l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta' Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jirreferu għal Jannar 2021.

F'Jannar, l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta' Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju baqa' fl-istess livell meta mqabbel max-xahar ta' qabel. L-indiċi baqa' ferm taħt il-livell tiegħu fl-istess xahar tal-2020 u jkompli jindika livelli baxxi ta' attività, li jirriflettu x-xenarju ekonomiku dgħajjef ikkawżat mill-COVID-19.

L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19 - li huwa indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, ekonomiċi u oħrajn relatati mas-saħħa li ġew introdotti b'reazzjoni għall-pandemija - kienet fil-livell ta' 64.0 fl-aħħar ta' Jannar 2021. Din l-istima kienet ogħla mil-livell ta' 61.3 fl-aħħar ta' Diċembru, iżda taħt il-livell ta' 69.7 fiż-żona tal-euro.

L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea tjieb marġinalment f'Jannar meta mqabbel max-xahar ta' qabel. Il-fiduċja żdiedet fis-settur tas-servizzi u, f'livelli iktar limitati, fis-settur tal-kostruzzjoni u fost il-konsumaturi. Il-fiduċja b'mod ġenerali ma nbidlitx fl-industrija, iżda ddeterjorat b'mod konsiderevoli fost il-bejjiegħa. Għalkemm l-iżviluppi reċenti varjaw bejn is-setturi, is-sentiment kien negattiv f'kull wieħed minnhom.

F'Diċembru, il-produzzjoni industrijali naqset b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbla max-xahar ta' qabel. B'kuntrast, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied f'termini annwali għall-ewwel darba minn Frar. L-għadd ta' permessi kummerċjali rreġistra tnaqqis iżgħar meta mqabbel ma' Novembru, iżda l-permessi residenzjali naqsu b'ritmu aktar mgħaġġel.

L-għadd ta' nies fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas meta mqabbel ma' Novembru, filwaqt li r-rata tal-qgħad baqgħet l-istess mix-xahar ta' qabel.

L-inflazzjoni baqgħet baxxa ħafna f'Diċembru, bir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur u dik ibbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut jkunu t-tnejn li huma fil-livell ta' 0.2%.

L-Aġġornament jirrapporta wkoll dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura tas-self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti f'Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal-aħħar ta' Diċembru kompla jonqos bi ftit għal €748.7 miljun, ekwivalenti għal 6.4% tas-self pendenti relatat, hekk kif diversi negozji u households komplew bil-ħlasijiet lura tagħhom tas-self, li jindika rkupru fid-dħul. Sal-aħħar tal-2020, ġew approvati 537 faċilità taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, għal skopijiet ta' kapital operattiv, lil negozji milquta mill-pandemija, li jkopru total ta' self sanzjonat li jammonta għal €408.1 miljun, ekwivalenti għal aktar minn nofs il-mira tal-iskema.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju