News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

19/02/2021

Tbassir ta’ żieda mill-ġdid fis-sigħat maħduma fl-2021 – il-Bank Ċentrali

Riċerka ppubblikata fit-Tbassir Ekonomiku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għall-perjodu 2020-2023 turi li filwaqt li n-numru ta’ impjiegi huwa mistenni li jkompli jikber, in-numru ta’ sigħat maħduma huwa mistenni li jerġa’ jibda jiżdied fl-2021.

Il‑Bank qal li l-impjiegi huma mistennija li jiżdiedu b’0.5% fl-2021, kif inhuma wkoll is-sigħat totali maħduma.

Sal-2022, it-tkabbir fl-impjiegi huwa mistenni li jkun ta’ 2.2%, tkabbir ħafna aktar baxx minn dak previst għall-PDG minħabba li minkejja l-impatt tal-pandemija fuq il-produzzjoni, l-impjiegi huma stmati li komplew jiżdiedu xi ftit fl-2020. Sadattant, is-sigħat totali ta’ impjiegi huma mbassra li jiżdiedu b’5.3%, xprunati minn żieda fin-numru ta’ ħaddiema u ritorn għal sigħat ta’ xogħol li jixbhu aktar lil dawk osservati qabel il-pandemija.

Il‑Bank jistma li l-impjiegi huma mistennija li jiżdiedu bi 2.7% fl-2023 – xorta ferm inqas mit-tbassir għat-tkabbir fil-PDG – hekk kif il-kumpaniji jkomplu jirkupraw it-telf riċenti fil-produttività.

Dan it-telf fil-produttività rriżulta minħabba li minkejja t-tnaqqis drastiku fl-attività ekonomika fl-ewwel tliet trimestri tal-2020, is-suq tax-xogħol Malti wera livell għoli ta’ reżiljenza, bl-għadd tal-impjiegi jiżdied fl-2020 fuq l-2019.

L-impjiegi żdiedu b’rata medja ta’ 4.3%, meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2019. Kien hemm għadd ta’ fatturi li kkontribwew għal dan, li jvarjaw minn għajnuna fil-pagi mill-Gvern, għal skemi li jgħinu lin-negozji bi problemi ta’ likwidità.

Il-mod li bih is-suq adatta matul il-pandemija u f’riċessjonijiet preċedenti jista’ jindika wkoll li l-kumpaniji Maltin, parzjalment sostnuti mill-intervent tal-gvern, kif ukoll trade unions, għandhom tendenza li jippreferu jnaqqsu s-sigħat maħduma milli jkeċċu lill-ħaddiema.

Fil-fatt, is-sigħat totali maħduma naqsu b’medja ta’ 7.4% matul l-ewwel tliet trimestri tal-2020, meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2019. Għalkemm irkupraw xi ftit fit-tielet trimestru, baqgħu ferm inqas mil-livelli tagħhom fit-trimestru korrispondenti tal-2019.

Is-sigħat medji maħduma huma mbassra li jerġgħu lura għal-livelli passati fl-2023, meta s-sigħat totali ta’ xogħol huma mistennija li jiżdiedu bi 3.4%.

Skont il-pubblikazzjoni, l-ekonomija hija prevista li tikber b’5.0% din is-sena, wara t-tnaqqis previst ta’ 8.2% fl-2020. It-tkabbir fil-PDG huwa mistenni li jitla’ għal 5.5% fl-2022 u jinżel għal 4.7% fl-2023.

Aqra t-Tbassir Ekonomiku kollu hawn.

Labour Market Projections

Lura lejn l-Arkivju