News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
09/02/2021
Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta – L-Ewwel Ħarġa tal-2021
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika l-ewwel ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2021. Din l-edizzjoni tanalizza l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f’Malta u barra minn Malta matul it-tielet trimestru tal-2020. Għalhekk, l-informazzjoni ppreżentata tirrifletti t-tnaqqis parzjali tal-miżuri restrittivi relatati mal-COVID-19 f’dak il-perjodu.
Matul it-tielet trimestru tal-2020, l-attività ekonomika rkuprat xi ftit hekk kif il-PDG kiber meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel. B’mod partikolari, id-data aġġustata għall-effetti staġjonali turi li l-PDG żdied b’7.4% matul it-tielet trimestru, wara tnaqqis matul l-ewwel żewġ trimestri tas-sena. Dan il-profil jirrifletti rkupru fil-konsum privat. Dan żdied b’aktar minn 20% fuq l-iktar livell baxx tiegħu rreġistrat fit-tieni trimestru.
Għalkemm ir-Rivista tinnota li l-livelli tal-attività ekonomika tjiebu matul it-trimestru kopert, xorta baqgħu ferm aktar baxxi mill-livelli ta’ qabel il-pandemija. Il-PDG reali naqas b’9.9% f’termini annwali fit-tielet trimestru tal-2020, li hija rata ta’ tnaqqis iżgħar minn dik esperjenzata fit-tieni trimestru – meta l-PDG naqas b’16.1%. Il-livell aktar baxx fil-PDG kien primarjament dovut għal tnaqqis qawwi fl-esportazzjoni netta, hekk kif id-deterjorament fid-domanda domestika kien iżgħar. Id-data nominali dwar il-valur miżjud gross turi li t-tnaqqis kien primarjament xprunat mis-settur tas-servizzi.
Sadattant, it-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali kien fl-iktar livell baxx mill-2003. Minkejja dan, xorta waħda baqa’ pożittiv matul it-tielet trimestru tal-2020 fil-livell ta’ 1.9%. Dan irrifletta s-saħħa kontinwa tal-kontribut tal-ħaddiema, b’żieda minima ħafna fil-qgħad. Id-diverġenza kontinwa bejn it-tkabbir potenzjali u l-iżviluppi fil-PDG fissret li meta mkejla bħala moving average fuq erba’ trimestri, id-differenza bejn il-livell tal-produzzjoni reali u dak potenzjali kienet stmata li tlaħħaq -7.2% fit-tielet trimestru tal-2020, żieda mid-differenza ta’ -4.2% stmata fit-trimestru ta’ qabel.
L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju tjieb marġinalment matul it-trimestru analizzat, iżda baqa’ ferm taħt il-medja storika tiegħu. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea baqa’ wkoll f’livell baxx minn perspettiva storika.
Filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol komplew jiġu affettwati b’mod negattiv mill-pandemija, skont l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, kemm il-ħaddiema u kif ukoll l-impjiegi komplew jiżdiedu fuq bażi annwali matul it-tielet trimestru. Madankollu, dawn żdiedu b’rata inqas mgħaġġla milli fit-tieni trimestru, u rriżultaw f’żieda fil-qgħad. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 4.6%, ftit ogħla mir-rata ta’ 4.4% rreġistrata fit-tieni trimestru, u r-rata ta’ 3.7% rreġistrata sena qabel. Madankollu, ir-rata tal-qgħad f’Malta baqgħet ferm taħt ir-rata medja taż-żona tal-euro ta’ 8.4% u relattivament baxxa storikament fid-dawl tat-tnaqqis qawwi ħafna fl-attività. Dan jirrifletti l-miżuri ta’ appoġġ qawwi tal-Gvern u l-arranġamenti għall-ħinijiet iqsar tax-xogħol intiżi sabiex itaffu l-impatt tal-miżuri ta’ trażżin tal-COVID-19 fuq il-qgħad.
L-inflazzjoni battiet matul it-tielet trimestru. L-inflazzjoni annwali mkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur battiet għal 0.5% f’Settembru minn 1.0% f’Ġunju, xprunata minn tkabbir inqas mgħaġġel fil-prezzijiet tal-ikel u t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal-enerġija. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss ix-xiri magħmul minn households Maltin, niżlet bi ftit għal 0.2% f’Settembru.
Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, l-impatt tal-pandemija fuq id‑dħul tal‑Gvern u l-miżuri ta’ sostenn fiskali wasslu għal żieda fil-bilanċ ġenerali tal‑Gvern matul it-trimestru kopert. Meta mkejjel fuq bażi ta’ moving sum fuq erba’ trimestri, il-bilanċ tal-Gvern ġenerali rreġistra defiċit ta’ 8.0% tal-PDG fit-tielet trimestru tal-2020, kontra defiċit ta’ 5.1% fit-trimestru ta’ qabel. Il-proporzjon tad-dejn tal-Gvern ġenerali fil-PDG tela’ għal 53.7% minn 51.0% fl-aħħar ta’ Ġunju. Filwaqt li l-istokk tal-assi finanzjarji miżmuma mill-Gvern naqas marġinalment, l-istokk tal-obbligazzjonijiet finanzjarji żdied u kkawża tnaqqis fis-sehem tal-valur finanzjarju nett fil-PDG. Minkejja dan l‑iżvilupp, il-valur finanzjarju nett tal-Gvern ġenerali Malti baqa’ jitqabbel b'mod favorevoli mal-medja taż-żona ewro.
Ir-Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Matul it-tielet trimestru tal-2020, il-Kunsill saħħaħ ix-xejra akkomodattiva tiegħu tal-politika monetarja. Aċċenna wkoll li ser ikompli x-xiri tiegħu taħt il-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza Pandemika (PEPP), u li ser ikompli jipprovdi wkoll likwidità għolja permezz tal-operazzjonijiet tiegħu ta’ rifinanzjament.
Fir-raba’ trimestru, il-Kunsill Governattiv żied il-pakkett tal-PEPP b’€500 biljun għal €1,850 biljun. Iddeċieda wkoll li jikkalibra mill-ġdid il-parametri tal-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal, li jwettaq tliet operazzjonijiet addizzjonali fl-2021 u li joffri erba’ operazzjonijiet addizzjonali ta’ rifinanzjament f’emerġenza pandemika fuq żmien itwal fl-2021.
Ir-Rivista tiġbor fil-qosor ir-riżultati ewlenin ta’ studju li jevalwa s-suq tal-kiri tad-djar fuq żmien twil bl-użu ta’ reklami onlajn ma’ aġenti ewlenin tal-proprjetà immobbli. Tanalizza wkoll l-użu li Malta għamlet mit-teleworking f’dawn l-aħħar snin u tqabbel dan ma’ dak fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, tipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-reviżjoni tal-parametri referenzjarji tal-2020 tal-kontijiet nazzjonali u l-impatt ta’ din ir-reviżjoni fuq l-aggregati ewlenin tal-kontijiet nazzjonali. Ir-reviżjoni introduċiet ukoll għadd ta’ indikaturi makroekonomiċi ġodda, li l-Bank se jibda janalizza fil-pubblikazzjonijiet ekonomiċi tiegħu li ġejjin.
L-ewwel ħarġa tar-Rivista ta’ kull tliet xhur għall-2021 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Lura lejn l-Arkivju