News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

22/01/2021

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 1/2021

Il-biċċa l-kbira tad-data rrappurtata f’din il-ħarġa tal-Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Novembru 2020 u tirrifletti l-estensjoni tal-miżuri restrittivi fuq il-bars u l-klabbs soċjali wara l-bidu ta’ Diċembru minħabba żieda mill-ġdid fil-każijiet tal-COVID-19. L-aħħar data għall-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, l-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19, u l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju tirreferi għal Diċembru 2020.

F’Diċembru, l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju tjieb meta mqabbel max-xahar ta’ qabel. Għalkemm data riċenti hija f’livelli ogħla minn dawk għal Mejju u Ġunju, l-Indiċi jkompli jindika livelli baxxi ta’ attività ekonomika, li jirriflettu x-xenarju ekonomiku dgħajjef ikkawżat mill-COVID-19.

Din l-edizzjoni tinkludi wkoll għall-ewwel darba stima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern relatat mal-COVID-19, li huwa indikatur li jiġbor diversi miżuri ta’ trażżin, ekonomiċi u oħrajn relatati mas-saħħa, li ġew introdotti b’reazzjoni għall-pandemija. Fl-aħħar ta’ Diċembru 2020, l-indiċi ta’ Malta kien fil-livell ta’ 61.3, żieda minn 60.0 fl-aħħar ta’ Novembru, iżda taħt il-livell ta’ 69.1 fiż-żona tal-euro.

L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea wkoll tjieb f’Diċembru meta mqabbel max-xahar ta’ qabel. Il-fiduċja żdiedet fis-settur tas-servizzi u, f’livelli iktar limitati, fost il-konsumaturi, fl-industrija u fost il-kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut. Minkejja dawn l-iżviluppi, is-sentiment kien negattiv fis-setturi kollha.

F’Novembru, il-produzzjoni industrijali naqset wara li kienet żdiedet marġinalment fix-xahar ta’ qabel, filwaqt li l-volum tal-bejgħ bl-imnut naqas b’ritmu inqas mgħaġġel f'termini annwali. L-għadd ta’ permessi għal bini kummerċjali u residenzjali rreġistra tnaqqis iżgħar meta mqabbel ma’ Ottubru.

In-numru ta’ nies fuq ir-reġistru tal-qgħad naqas f’Novembru. Ir-rata tal-qgħad telgħet marġinalment meta mqabbla max-xahar ta’ qabel, iżda baqgħet baxxa minn perspettiva storika u kif ukoll meta mqabbla ma’ Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro.

L-inflazzjoni baqgħet f’livell baxx ħafna f'Novembru. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur niżlet bi ftit għal 0.2%, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut niżlet marġinalment għal 0.3%.

F’Novembru, id-defiċit fuq il-Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali żdied meta mqabbel ma’ sena qabel, hekk kif kien hemm żieda fl-infiq primarju tal-gvern u tnaqqis fid-dħul tal-gvern.

Il-pubblikazzjoni tirrapporta wkoll dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu lil residenti f’Malta b’reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal-aħħar ta’ Novembru kompla jonqos bi ftit għal €924.4 miljun, ekwivalenti għal 7.9% tas-self pendenti relatat, hekk kif diversi negozji u households komplew bil-ħlasijiet lura tagħhom tas-self, li jindika rkupru fid-dħul. Sal-aħħar tal-istess xahar, ġew approvati 516-il faċilità taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, għal skopijiet ta’ kapital operattiv, lil negozji milqutin mill-pandemija, li jkopru total ta’ self sanzjonat li jammonta għal €388.5 miljun.

 L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju