News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

14/01/2021

Direttiva Nru 18 ‘On Moratoria in Exceptional Circumstances’ – Riattivazzjoni tal-Moratorji

Fid-dawl tal-impatt fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19, il-Ministru għas-Saħħa, f’konsultazzjoni mal-Ministeru għall-Finanzi, illum ħareġ l-Avviż Legali (AL) 15 għall-2021 dwar Regolamenti tal-2021 li jemendaw ir-Regolamenti dwar Moratorju għal Faċilitajiet ta’ Kreditu f’Ċirkostanzi Eċċezzjonali, li jittratta r-riattivazzjoni ta’ moratorji f’Malta. Permezz ta’ din ir-riattivazzjoni, dawk li ssellfu jkunu jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għal moratorji ġodda jew biex jestendu l-moratorji eżistenti tagħhom, soġġetti għal numru ta’ kundizzjonijiet, qabel il-31 ta’ Marzu 2021.

Wara l-pubblikazzjoni tal-AL 278 għall-2020, ippubblikat fit-30 ta’ Ġunju 2020, l-iskadenza għall-applikazzjoni għal moratorju kienet estiża sat-30 ta’ Settembru 2020. Matul dan il-perjodu estiż, dawk li ssellfu setgħu japplikaw għal moratorju ġdid, jew inkella jestendu l-moratorji eżistenti tagħhom b’sitt xhur oħra.

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi differenti minn dawk prevalenti meta oriġinarjament ħarġet id-Direttiva Nru 18 tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-perjodu għall-applikazzjonijiet qiegħed jiġi riattivat b’kundizzjonijiet li permezz tagħhom applikant jista’ jibbenefika jew minn (i) estensjoni għal moratorju eżistenti, jew inkella minn (ii) moratorju kompletament ġdid.

Dawk li qed japplikaw għal moratorju fuq self li qatt ma kien soġġett għal moratorju, huma intitolati għal moratorju b’massimu ta’ disa’ xhur. Min-naħa l-oħra, dawk li bbenefikaw, jew qed jibbenefikaw, minn moratorju iqsar minn disa’ xhur jistgħu japplikaw għal estensjoni sabiex it-tul tal-moratorju tagħhom jiġi estiż biex ikopri perjodu totali tal-moratorji ta’ mhux aktar minn disa’ xhur. Self li diġà qed jibbenefika minn perjodu tal-moratorju ta’ aktar minn disa’ xhur mhux ser ikun eleġibbli għal estensjoni oħra.

Ċerti kundizzjonijiet japplikaw u dawn huma spjegati fid-dokument gwida Guide on the amendments to Central Bank of Malta Directive 18: On Moratoria on Credit Facilities in Exceptional Circumstances’ ippubblikat mill-Bank sabiex jakkumpanja d-Direttiva emendata Nru 18.

Direttiva Nru 18 ‘On Moratoria in Exceptional Circumstances’ – Riattivazzjoni  tal-Moratorji

Lura lejn l-Arkivju