News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

13/01/2021

Emendi fid-Direttiva Nru 10

Id-Direttiva tal-UE 2014/62/UE tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħrajn kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali (“id-Direttiva”) tistabbilixxi regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-falsifikazzjoni tal-euro u muniti oħra. Tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet komuni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra dawk ir-reati, biex titjieb l-investigazzjoni tagħhom, u biex tiġi żgurata kooperazzjoni aħjar kontra l-falsifikazzjoni.

Id-Direttiva Nru 10 tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-Awtentiċità, il-Verifika tal-Kundizzjoni u r-Riċirkolazzjoni tal-Karti tal-Flus u Muniti tal-euro tistabbilixxi regoli u proċeduri komuni dwar l-awtentiċità, il-verifika tal-kundizzjoni, u r-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti. Dawn ir-regoli u proċeduri għandhom l-għan li jissalvagwardjaw l-integrità tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro bħala mezz ta’ pagament.

Sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mad-Direttiva, id-Direttiva Nru 10 tal-Bank qiegħda tiġi emendata bl-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda li ġejjin:

  • Meta l-Bank ikun iddetermina li l-karti tal-flus u l-muniti huma foloz, dawn il-flus foloz għandhom jintużaw bħala evidenza f’każ ta’ proċedimenti kriminali.
  • Ladarba jkunu ġew konklużi l-proċedimenti kriminali, kampjuni ta’ karti tal-flus u muniti foloz użati bħala evidenza fi proċedimenti kriminali għandhom jingħataw bla dewmien lill-Counterfeit Surveillance Unit tal-Bank stabbilit skont l-Artikolu 54 tal-Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Lura lejn l-Arkivju