News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
06/01/2021
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jadotta Politika dwar l-Ugwaljanza, id-Diversità u l-Inklużjoni
Il-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta adotta politika sabiex bħala impjegatur jiżgura ugwaljanza, diversità u inklużjoni.
Il-Bank diġà għandu numru ta’ politiki stabbiliti għall-protezzjoni tal-impjegati mid-diskriminazzjoni, li ser ikunu msaħħin permezz ta’ politika li tiffoka speċifikament dwar l-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni.
Sabiex jiżgura li din il-politika hija implimentata b’mod effettiv, il-Bank qiegħed iwaqqaf Kumitat għall-Ugwaljanza, id-Diversità u l-Inklużjoni li hu ffurmat minn sitt impjegati. Dawn l-impjegati ser ikunu kollha mħarrġa u ċċertifikati mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) bħala ‘uffiċjali għad-diversità’.
Il-Bank ser japplika wkoll għal Equality Mark għand l-NCPE, ċertifikazzjoni prestiġjuża mogħtija lill-organizzazzjonijiet li jirrikonoxxu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala parti mill-valuri tagħhom.
Il-kumitat ser jipprepara rapport fl-aħħar ta’ kull sena li jindika l-attivitajiet li jkunu saru matul is-sena u ser jippreżenta miri ċari u strateġija għas-sena ta’ wara.
Il-Bank hu impenjat li jippromwovi kultura li tagħti importanza b’mod attiv lid-differenzi u tirrikonoxxi li nies minn oqsma u b’esperjenzi differenti jistgħu jġibu għarfien siewi fil-post tax-xogħol tagħhom u jtejbu l-mod ta’ kif jaħdmu. Il-Bank jimmira li jsir impjegatur inklussiv, fejn id-diversità hija stmata, rispettata u kif ukoll is-sisien.
Din il-politika tippromwovi l-aqwa prattika u tkopri kull forma ta’ diskriminazzjoni, li tvarja mill-età u l-orjentazzjoni sesswali għar-razza u t-twemmin reliġjuż jew politiku. Tiżgura wkoll li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward ta’ responsabbiltajiet ta’ kura, impjieg part-time, sħubija jew nuqqas ta’ sħubija fi trade union.

Lura lejn l-Arkivju