News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
22/12/2021
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Diċembru
L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju juri li f'Novembru, ir-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqset xi ftit mil-livelli għoljin storiċi riċenti, iżda baqgħet b'saħħitha minn perspettiva storika hekk kif l-attività ekonomika kompliet tirkupra mil-livelli baxxi rreġistrati fl-2020.
L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li f'Novembru s-sentiment batta meta mqabbel max-xahar ta' qabel, iżda baqa' ferm ogħla mil-livell irreġistrat sena qabel u mill-medja storika. Meta mqabbel ma' Ottubru, il-fiduċja naqset fis-setturi kollha barra fis-settur tas-servizzi. Wara l-iżviluppi riċenti, u b'kuntrast ma' Ottubru, is-sentiment inbidel f'wieħed daqsxejn negattiv fl-industrija u fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.
L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern għall-COVID-19 - indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, miżuri ekonomiċi u dawk relatati mas-saħħa li daħlu fis-seħħ b'reazzjoni għall-pandemija - baqgħet fl-istess livelli rreġistrati fit-tliet xhur ta' qabel u kienet marġinalment taħt l-istima rrappurtata fiż-żona tal-euro.
F’Novembru, kemm l-għadd ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali u kif ukoll l-għadd ta’ konvenji żdiedu fuq bażi annwali. Dawn tal-aħħar kienu iktar mill-ammont ta’ Novembru 2019.
F'Ottubru, il-produzzjoni industrijali naqset fuq bażi annwali għat-tielet xahar konsekuttiv. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b'ritmu inqas mgħaġġel, għalkemm xorta baqa' b'saħħtu.
L-għadd ta' persuni qiegħda rreġistrati naqas, kemm meta mqabbel ma' dak ta' Settembru u kif ukoll meta mqabbel ma' sena qabel. Ir-rata tal-qgħad għoliet marġinalment għal 3.6% f'Ottubru, iżda baqgħet taħt il-livell ta' qabel il-pandemija.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 1.4% f'Ottubru, żieda mir-rata ta' 0.7% f'Settembru, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet għal 2.3% minn 2.2% rreġistrata xahar qabel. Id-differenza bejn iż-żewġ metodi ta' kejl tal-inflazzjoni tirrifletti l-aktar fatturi tekniċi relatati mar-reviżjoni tal-piżijiet tal-HICP fl-2021. F'Novembru, kemm ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-HICP u kif ukoll dik tal-RPI telgħu għal 2.4%.
L-Aġġornament Ekonomiku jinkludi wkoll data dwar rikors għall-moratorju fuq ħlasijiet lura ta' self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti ta' Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kien soġġett għal moratorju laħaq livelli baxxi ħafna fl-aħħar ta' Ottubru. Dawn kienu jammontaw għal €26.5 miljun, jew 0.2% biss tas-self pendenti. Dan jirrifletti rkupru fid-dħul u l-iskadenza tal-perjodu tal-moratorji għal numru ta' benefiċjarji. Sal-aħħar tax-xahar, 652 faċilità għal skopijiet ta' kapital tax-xogħol u ta' ħlas lura tas-self kienu ngħataw lin-negozji milquta mill-pandemija taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondi għal ammont totali sanzjonat ta' €508.6 miljun, jew 65.4% tal-mira tal-iskema.
L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju