News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
20/12/2021
Il-Klabb Soċjali tal-Impjegati tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jikkontribwixxi għall-kampanja ‘Children’s Dreams’
Il-Klabb Soċjali tal-impjegati tal-Bank Ċentrali ta' Malta ppreżenta sitt laptops lill-Aġenzija Appoġġ bħala parti mill-kampanja 'Children's Dreams' tal-2021. L-għan ewlieni ta' din il-kontribuzzjoni huwa s-sapport lill-adolexxenti li l-familji tagħhom għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji u esklużjoni soċjali u li jixtiequ jibdew jew ikomplu bl-istudji f'istituzzjonijiet sekondarji u postsekondarji.
Il-laptops ġew ippreżentati lil Ms Remenda Grech, Direttur għall-Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ) fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ. Il-proġett 'Children's Dreams' qed isir b'kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali li tiġbor fiha l-Aġenziji Appoġġ u Sedqa, u kif ukoll Leap.
Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna, irrikonoxxa l-impenn ġeneruż tal-Klabb Soċjali tal-Impjegati tal-Bank u afferma wkoll l-appoġġ kontinwu tal-Bank għal inizjattivi bħal dawn.
Din l-inizjattiva tal-istaff tifforma parti mill-programm sħiħ ta' responsabbiltà soċjali appoġġjat mill-Bank Ċentrali ta' Malta, li jinkludi attivitajiet regolari ta' donazzjonijiet tad-demm u donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet tal-karità fost oħrajn.

Ms Remenda Grech, Direttur għall-Kura Alternattiva (Tfal u Żgħażagħ) - Aġenzija Appoġġ, il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna, u l-President tal-Klabb Soċjali tal-Bank Ċentrali, Mr Antoine Scicluna

Lura lejn l-Arkivju