News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
10/12/2021
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jaġġorna d-Direttiva Nru 1 tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il-Provvediment u l-Użu tas-Servizzi ta’ Pagament
Il-Bank Ċentrali ta' Malta llum ippubblika test aġġornat tad-Direttiva Nru 1 tal-istess Bank dwar il-Provvediment u l-Użu tas-Servizzi ta' Pagament. Din id-Direttiva timplimenta l-provvedimenti ta' Titoli III u IV tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament (PSD2): Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tirrevoka d-Direttiva 2007/64/KE, oriġinarjament ippubblikata fid-9 ta' Jannar 2018.
Fl-10 ta' Ġunju 2021, l-Awtorità Bankarja Ewropea ppubblikat Linji gwida riveduti dwar ir-rapportar ta' inċidenti kbar taħt il-PSD2, li ser jirrevokaw il-Linji gwida preċedenti.
Għal dan il-għan, il-Bank emenda Annex 1 tad-Direttiva Nru 1 li issa tirrifletti r-rekwiżiti l-ġodda. Ir-reviżjonijiet għandhom l-għan li jsaħħu u jissimplifikaw il-proċess ta’ rapportar u l-mudell standardizzat. Barra minn hekk, l-emendi ser jikkonċentraw fuq inċidenti b’impatt sinifikanti fuq il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament (PSPs) u ser itejbu r-rilevanza tal-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata. Il-bidliet ser ineħħu wkoll passi mhux meħtieġa mill-proċess tar-rapportar u jnaqqsu l-piż tar-rapportar għall-PSPs.
L-emendi ser jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2022.

Lura lejn l-Arkivju