News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

03/12/2021

Reżiljenza u stabbiltà finanzjarja fi żminijiet ta’ pandemija

Il-Professur Edward Scicluna, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, indirizza lill-mistednin tal-ikla annwali tal-Istitut għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta, li din is-sena tfakkar is-sittin anniversarju tagħha.

Fid-diskors tiegħu, il-Gvernatur għamel referenza għall-interdipendenza bejn l-għan ewlieni tal-BĊE li jżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet u l-mira kontributorja tal-istabbiltà finanzjarja. Hu spjega li dawn iż-żewġ funzjonijiet huma interkonnessi b'mod inerenti, u huma mezz biex, b'dan il-għan, fi kliemu, "ikunu ġid materjali tal-pajjiż u s-sostenibbiltà tiegħu".

Il-Gvernatur ta ħarsa qasira lejn l-ekonomija u l-prospetti tagħha, u enfasizza li s-sostenn politiku flimkien ma' programm ta' tilqim b'suċċess u l-kooperazzjoni mill-pubbliku ġenerali, ippermettew lill-pajjiż jirkupra b'ritmu mgħaġġel. Dan għamilha possibbli biex, "Mhux biss aktar turisti, iżda wkoll rati baxxi ta' qgħad, aktar infiq mill-konsumatur, u valur ogħla miżjud fil-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi l-oħra kollha." Il-Professur Scicluna rrefera għal ostakli kontinwi, bħal nuqqas ta' ħaddiema, diffikultajiet fil-provvista, prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew u wkoll l-introduzzjoni mill-ġdid tar-regoli tal-Patt ta' Tkabbir u Stabbiltà li mistennija jsiru fl-2023. Minkejja dan, hu spjega li l-Bank Ċentrali ser jagħmel reviżjonijiet 'il fuq sinifikanti għat-tbassir ekonomiku tiegħu xprunat l-aktar mid-domanda domestika. Madankollu, wissa li ż-żieda fil-pressjonijiet tal-prezzijiet internazzjonali ser twassal għal reviżjonijiet 'il fuq għat-tbassir tal-inflazzjoni, b'mod partikolari għall-2022.

Il-Professur Scicluna semma wkoll xi riskji għall-istabbiltà finanzjarja li qed jiġu diskussi fil-livell taż-żona tal-euro u l-prevalenza tagħhom fis-sistema finanzjarja domestika. Innota li bis-saħħa tal-miżuri meħudin mill-Istat, l-awtoritajiet regolatorji, il-Bank Ċentrali, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta, flimkien mal-Bank Malti ta' Żvilupp, u d-determinazzjoni tas-sistema bankarja li tkun ta' spalla għall-klijenti tagħhom, ippermettew li n-numru ta' fallimenti jkun limitat. Fl-istess ħin, ir-riskju marbut mas-self baqa' taħt kontroll, u parzjalment jirrifletti l-istrateġiji tal-banek stess, kif ukoll il-miżuri ta' politika introdotti mill-awtoritajiet biex inaqqsu l-istokk storiku ta' self fejn il-ħlas qiegħed b'lura (NPLs), flimkien ma' provvedimenti li saru qabel il-pandemija. Madankollu, il-Gvernatur wissa li l-Bank Ċentrali għadu jistenna xi riskju residwu minn dawk in-negozji li joperaw mudell kummerċjali dgħajjef u li ma adattawx b'mod tajjeb biżżejjed għall-pandemija, u minn dawk li ma jilħqux jagħmlu dan sa meta l-miżuri kollha ta' appoġġ, jitneħħew kompletament. F'dan ir-rigward, il-Professur Scicluna ħeġġeġ lill-banek biex jibqgħu għaddejjin bl-evalwazzjonijiet prudenti tal-portafoll tas-self tagħhom sabiex jidentifikaw riskji potenzjali fi stadju bikri.

Imbagħad, il-Professur Scicluna ta ħarsa ġenerali qasira lejn l-iżviluppi fis-suq domestiku tal-proprjetà, u enfasizza t-tema ta' konċentrazzjoni fil-portafolli tas-self tal-banek. Il-Professur Scicluna tenna li għalkemm ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw mis-suq tal-proprjetà baqgħu f'livell moderat, hu xorta rrakkomanda li l-banek għandhom ikomplu jiddiversifikaw il-portfafoll tas-self tagħhom.

Il-Gvernatur għamel ukoll referenza għaż-żieda sinifikanti f'inċidenti ċibernetiċi sofistikati, u ħeġġeġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji jżommu mat-tiġdid rapidu fit-teknoloġija u jsaħħu r-reżiljenza tagħhom għar-riskji ċibernetiċi. Il-Professur Scicluna mbagħad indirizza l-kwistjoni tal-AML/CFT, u ta ħarsa ġenerali dwar it-tema tal-attività bankarja korrispondenti. "Irrispettivament mir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, ħadd ma jista' jiċħad il-ħtieġa li s-settur bankarju kontinwament juri li l-oqfsa tiegħu huma robusti biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskji relatati mal-AML." Hu ħeġġeġ lill-prattikanti kollha biex jagħmlu l-parti tagħhom u jirsistu biex jiksbu standards ogħla b'mod effiċjenti, għaliex "l-effettività fit-terminoloġija tal-FATF tfisser riżultati immedjati."

Il-Professur Scicluna kkonkluda l-indirizz tiegħu billi qal li temi kurrenti oħra bħal muniti diġitali, pjattaformi ta' pagament u finanzjament ekoloġiku ser jiġu diskussi f'fora oħra.

Il-Professur Edward Scicluna, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, indirizza lill-mistednin tal-ikla annwali tal-Istitut għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, li din is-sena tfakkar is-sittin anniversarju tagħha

Ritratt: Kevin Cassar Photography

Lura lejn l-Arkivju