News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

26/11/2021

L-inflazzjoni qiegħda hawn biex tibqa’ jew hija tranżitorja? Seminar Konġunt bejn il-Kamra tal-Kummerċ u l-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il-permanenza tax-xejriet inflazzjonarji attwali

L-inflazzjoni saret materja fuq fomm kulħadd wara ħafna snin ta' stabbiltà fil-prezzijiet fi ħdan iż-żona tal-euro.

 "L-ostakli maħluqa mir-riċessjoni serja kkawżata mill-pandemija u l-irkupru relattivament malajr li segwew, flimkien mal-insegwiment tat-tranżizzjoni doppja tad-diġitalizzazzjoni u tal-ekonomija ekoloġika rriżulta fi tħassib serju dwar il-pressjonijiet inflazzjonarji min-negozji u diskussjonijiet dwar kif dawk li jfasslu l-politika għandhom jindirizzawhom biex jiżguraw li ma nidħlux f'ċirku inflazzjonarju li jista' jipperikola l-isforzi ta' rkupru" qalet Ms Marisa Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ waqt l-indirizz ta' merħba tagħha tal-ftuħ tas-seminar organizzat b'mod konġunt mill-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija u l-Bank Ċentrali ta' Malta bit-titlu: Inflation: Trends, Threats and Transitions.

Is-seminar kien immirat għall-ekonomisti u l-mexxejja tan-negozju fil-pajjiż sabiex titqajjem diskussjoni nazzjonali dwar is-suġġett tal-inflazzjoni u jekk ix-xejriet inflazzjonarji globali kurrenti humiex ser ikunu ta' natura tranżitorja jew humiex se jippersistu fit-tul u x'jistgħu jfissru ż-żewġ xenarji f'termini tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomija Maltija.

Fid‑diskors ewlieni tiegħu dwar l‑inflazzjoni, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna spjega li għall-kuntrarju tal-perċezzjoni popolari, il-BĊE kien qed jispera u jittama li xi darba l-inflazzjoni ser tirkupra minn għaxar snin ta' inflazzjoni baxxa ħafna u tkun ankrata madwar il-livell ta' tnejn fil-mija. Kwalunkwe rata ogħla jew taħt dik ir-rata hija ugwalment mhux mixtieqa. It-tnejn fil-mija jagħtu biżżejjed libertà biex il-politika monetarja tiġi applikata mingħajr inkwiet ta' rati negattivi, programmi ta' xiri ta' assi u oħrajn simili.

Waqt is-seminar, l-ekonomista u Direttur ta' Saxo Bank, Mr Christopher Dembik tkellem dwar ix-xenarju globali f'termini ta' xejriet inflazzjonarji u xi fatturi ewlenin li qed iwasslu għal din iż-żieda. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-ostakli f'termini ta' provvisti globali li huma meqjusa bħala ċikliċi fin-natura tagħhom, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-bidla lejn ESGs, u n-nuqqas ta' investiment fl-enerġija. Huwa tkellem dwar il-possibilità li parti mill-inflazzjoni ssir permanenti jew strutturali, b'mod partikolari minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika li l-operaturi tan-negozju u l-ekonomiji jridu jagħmlu matul is-snin li ġejjin. Dan imbagħad ser jillimita l-possibbiltà li jiġu sfruttati ż-żidiet fil-produttività minħabba l-fatt li diversi partijiet mit-teknoloġija ekoloġika għadha fil-bidu tagħha.

Fl‑aħħar tas‑sessjoni, Mr Jude Darmanin mill-Bank Ċentrali għamel preżentazzjoni dwar studju reċenti li jiffoka dwar l‑impatt tal‑inflazzjoni fuq familji bi dħul baxx. Mr Darmanin innota fil-konklużjonijiet tiegħu li x-xejriet tal-infiq tal-familji jvarjaw b'mod sinifikanti fl-ispettru tad-dħul, bil-piżijiet uffiċjali tal-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) ma jirriflettux b'mod adegwat ix-xejriet tal-infiq tal-familji bi dħul baxx. Ir-riżultati indikaw ukoll li d-dħul relattiv tal-familji bi dħul baxx huwa aktar milqut meta l-prezzijiet għan-neċessitajiet bażiċi, bħall-ikel, jogħlew. Mr Darmanin ikkonkluda billi ssuġġerixxa l-ħtieġa ta' indiċi addizzjonali tal-prezzijiet, separat mill-RPI, ibbażat fuq il-basket ta' prodotti mixtrija minn familji bi dħul baxx, li jista' jservi ta' gwida għall-kejl ta' kemm għandhom jiżdiedu l-benefiċċji soċjali lil hinn mill-COLA biex tinżamm is-saħħa tal-akkwist ta' familji bi dħul baxx.

Mix-xellug għal-lemin: Mr Christopher Dembik, Direttur u ekonomista ta’ SAXO Bank, Ms Marisa Xuereb, President, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Professur Edward Scicluna, il-Gvernatur, Bank Ċentrali ta’ Malta u Mr Jude Darmanin, Senior Economist, Economics Department, Bank Ċentrali ta’ Malta

L-inflazzjoni qiegħda hawn biex tibqa’ jew hija tranżitorja? Seminar Konġunt bejn il-Kamra tal-Kummerċ u l-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il-permanenza tax-xejriet inflazzjonarji attwali

Il-Professur Edward Scicluna, il-Gvernatur, Bank Ċentrali ta’ Malta, waqt id-diskors ewlieni tiegħu dwar l-inflazzjoni

Lura lejn l-Arkivju