News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

22/11/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2021

Il-Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2021, fejn jagħti ħarsa lejn l-iżviluppi fis-sistema finanzjarja domestika għall-ewwel sitt xhur tal-2021.

Ir-Rapport jiżvela kif il-ftuħ gradwali mill-ġdid tal-ekonomija wara s-suċċess tal-programm ta' tilqim kontra l-COVID-19 ikkontribwixxa għall-irkupru fl-andament tas-settur finanzjarju domestiku. Il-profittabbiltà tal-banek żdiedet l-aktar minħabba tnaqqis fil-provvedimenti għal telf fuq is-self, u b'hekk reġġgħet lura b' provvedimenti straordinarji meta mqabbla ma' dawk irrappurtati fl-2020. Id-dħul nett tal-banek żdied, parzjalment xprunat mill-irpiljar fis-self, partikolarment lejn individwi residenti f'Malta. Min-naħa l-oħra, is-self lil kumpaniji privati residenti żdied b'ritmu aktar kajman, u dan jirrifletti t-tnaqqis fid-domanda għal self mogħti taħt l-MDB COVID-Guarantee Scheme. L-analiżi turi wkoll li l-qagħda b'saħħitha tal-kapital u l-likwidità tal-banek ippermettitilhom ikomplu jgħinu l-ekonomija u dan flimkien ma' għadd ta' miżuri li jinkludu l-moratorji fuq is-self. Id-depożiti ta' residenti komplew jiżdiedu b'mod partikolari dawk tal-familji, li komplew isaħħu l-likwidità tal-banek. Il-kwalità tal-assi baqgħet b'saħħitha bil-proporzjon tas-self fejn il-ħlas qiegħed b'lura (NPLs), jibqa' stabbli fil-livell ta' 3.5% u dan għaliex iż-żieda fl-NPLs wara l-iskadenza tal-moratorji fuq is-self kienet minima. Madankollu, ir-riskji fuq self b'miżuri tal-moratorji żdiedu aktar, għalkemm parti kbira minn dan is-self huwa rrappurtat li xorta qed irendi lill-banek. Fl-istess ħin it-testijiet tal-istress u l-analiżi tas-sensittività jkomplu jikkonfermaw li s-sistema bankarja tibqa' reżiljenti għal firxa wiesgħa ta' riżultati ekonomiċi.

Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni li huma relevanti fil-kuntest domestiku rrappurtaw andament aħjar, hekk kif il-profittabilità tagħhom irkuprat, l-aktar minħabba dħul ogħla mill-investimenti, kif ukoll żieda fil-premia. Il-proporzjonijiet ta' kopertura tas-solvenza tagħhom baqgħu ogħla sew mir-rati minimi regolatorji, u għalkemm iż-żieda fl-investimenti wasslet għal tnaqqis fil-bilanċi tal-flus u d-depożiti, il-likwidità tagħom xorta baqgħet b'saħħitha. Min-naħa l-oħra l-fondi domestiċi ta' investiment ibbenefikaw mill-andament pożittiv fil-prezzijiet fis-swieq finanzjarji u minħabba wkoll li żiedu l-investimenti fl-ishma. Ma ġie rrappurtat l-ebda bejgħ ta' investimenti sinifikanti, u l-likwidità tal-fondi baqgħet b'saħħitha u l-leverage mrażżan.

Ir-Rapport jaċċenna li għalkemm l-ekonomija qed tirkupra, għad hemm inċertezzi minħabba l-pandemija, li jistgħu joħolqu riskji għas-sistema finanzjarja. Filwaqt li r-riskju marbut mas-self jibqa' taħt kontroll, il-kwalità tal-assi xorta tista' tiddeterjora aktar sakemm jitneħħew kompletament il-miżuri ta' sostenn mill-gvern. Dan id-deterjorament jista' mbaghad joħloq aktar pressjoni fuq il-profittabbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji. L-inċertezza ġeopolitika qed tiżdied ukoll, u dan jista' jaffettwa wkoll l-andament tas-swieq u tal-kumpaniji. Barra minn hekk, ir-riskji marbutin maċ-ċibersigurtà żdiedu hekk kif l-attività finanzjarja qed issir iżjed onlajn. Id-deċiżjoni tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja li tqiegħed lil Malta taħt aktar monitoraġġ tista' toħloq xi sfidi għas-settur finanzjarju jekk iż-żmien li jittieħed biex jiġu indirizzati dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikun twil ħafna. Huwa importanti li l-istituzzjonijiet finanzjarji jadattaw malajr għal dan l-ambjent operattiv ta' sfidi globali u jkomplu jippreservaw il-kapital u l-likwidità tagħhom. Huwa importanti wkoll li l-banek ikomplu jissorveljaw ir-rekwiżiti ta' proviżjonament tagħhom, biex inaqqsu kwalunkwe żieda potenzjali fir-riskju marbut ma' self.

Din l-edizzjoni tar-Rapport Interim tinkludi wkoll artiklu dwar l-aħħar żviluppi dwar it-teħid ta' moratorji, kif ukoll artiklu speċjali li juri l-ewwel tentattiv mill-Bank Ċentrali ta' Malta biex jikkwantifika kemm is-sistema finanzjarja hi esposta għal setturi li qed jaffettwaw l-aktar it-tibdil fil-klima.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2021

Lura lejn l-Arkivju