News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

19/11/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Novembru

L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju juri li f'Ottubru, ir-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali bdiet tbatti xi ftit mil-livelli għoljin riċenti iżda għadu b'saħħtu minn perspettiva storika. Madankollu, il-livell ta' attività ekonomika aggregata baqa' taħt dak osservat qabel il-pandemija.

L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li f'Ottubru s-sentiment batta meta mqabbel max-xahar ta' qabel, iżda baqa' ferm ogħla mil-livell tiegħu sena qabel u mill-medja storika. Meta mqabbel ma' Settembru, il-fiduċja naqset fis-servizzi u b'mod inqas fost il-bejjiegħa. Madankollu, is-sentiment baqa' pożittiv fis-setturi kollha.

L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern għall-COVID-19 - indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, miżuri ekonomiċi u dawk relatati mas-saħħa li daħlu fis-seħħ b'reazzjoni għall-pandemija - baqgħet l-istess bħal tax-xahar ta' qabel u kienet marġinalment taħt l-istima rrappurtata għaż-żona tal-euro.

F'Ottubru, l-għadd ta' kuntratti ta' bejgħ għal proprjetà residenzjali żdied fuq bażi annwali. B'kuntrast, il-konvenji naqsu, għalkemm baqgħu f'livell ogħla minn dak ta' Ottubru 2019. F'Settembru, il-permessi maħruġa għal bini residenzjali żdiedu fuq il-livell tas-sena l-oħra, filwaqt li naqsu dawk għal bini kummerċjali.

Fl-istess xahar, il-produzzjoni industrijali naqset fuq bażi annwali għat-tieni xahar konsekuttiv. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b'ritmu inqas mgħaġġel, għalkemm xorta b'saħħtu.

L-għadd ta' persuni qiegħda rreġistrati naqas, kemm meta mqabbel ma' dak ta' Awwissu, kif ukoll meta mqabbel ma' sena qabel. Ir-rata tal-qgħad naqset marġinalment għal 3.2% f'Settembru u kienet taħt il-livell ta' qabel il-pandemija.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 0.7% f'Settembru, żieda mir-rata ta' 0.4% f'Awwissu, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 2.2% minn 2.1% xahar qabel. Id-differenza bejn iż-żewġ metodi ta' kejl tal-inflazzjoni tirrifletti l-aktar fatturi tekniċi relatati mar-reviżjoni tal-piżijiet tal-HICP fl-2021.

L-Aġġornament Ekonomiku jinkludi wkoll data dwar rikors għall-moratorju fuq ħlasijiet lura ta' self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti ta' Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kien soġġett għal moratorju laħaq livelli baxxi ħafna fl-aħħar ta' Settembru. Dawn kienu jammontaw għal €38.8 miljun, jew 0.3% biss tas-self pendenti. Dan jirrifletti rkupru fid-dħul u l-iskadenza tal-perjodu tal-moratorji għal ċerti benefiċjarji. Sal-aħħar tax-xahar, 652 faċilità għal skopijiet ta' kapital tax-xogħol u ta' ħlas lura tas-self kienu ngħataw lin-negozji milquta mill-pandemija taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondi għal ammont totali sanzjonat ta' €508.8 miljun, jew 65.4% tal-mira tal-iskema.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Novembru

Lura lejn l-Arkivju