News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

17/11/2021

Tnedija tar-Research Bulletin waqt Workshop Annwali tar-Riċerka

Id-diskors ewlieni waqt workshop virtwali li ser jiġi organizzat mill-Bank Ċentrali ta' Malta sabiex iniedi l-pubblikazzjoni annwali tiegħu bl-isem ta' Research Bulletin ser jinkludi preżentazzjoni dwar politiki ta' tibdil fil-klima fl-Ewropa bit-titlu 'Market-based instruments under the EU 'Fit for 55' climate and energy package'.

Il-preżentazzjoni ser issir minn Alexandra Maratou, Senior Policy Analyst fir-Roundtable Ewropea dwar it-Tibdil fil-Klima u t-Tranżizzjoni Ewropea.

It-tieni preżentazzjoni ser issir mill-Professur Francesca Severini mill-Università ta' Macerata u ser tagħti ħarsa ġenerali lejn mudell Computable General Equilibrium (CGE) ġdid li qed jiġi żviluppat bħalissa wara ftehim ta' kooperazzjoni teknika ffirmat aktar kmieni din is-sena bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta u l-Università ta' Macerata. Ladarba jitlesta, dan il-mudell ser ikun żieda utli mas-sett ta' mudelli tal-Bank sabiex jiġu indirizzati mistoqsijiet relatati mal-kundizzjonijiet tad-domanda u l-provvista f'industriji speċifiċi.

Il-Gvernatur tal-Bank, il-Professur Edward Scicluna, ser jagħti bidu għal dan il-workshop billi jniedi l-Bulletin ta' din is-sena li jinkludi fih erba' artikli miktubin mill-ekonomisti fi ħdan ir-Research Department tal-Bank. Il-Gvernatur ser jagħti ħarsa ġenerali lejn is-suġġetti li jinkludu t-trażmissjoni ta' xokkijiet esterni lill-ekonomija lokali, il-mobbiltà matul il-pandemija tal-COVID-19, ir-relazzjoni bejn l-edukazzjoni u s-salarji f'Malta u kif il-bidliet fir-rata tal-kambju huma trażmessi lill-prezzijiet domestiċi għall-konsumatur.

Il-workshop ser isir fis-26 ta' Novembru fid-9.30am fuq il-pjattaforma Teams. Kull min jixtieq jattendi hu ġentilment mitlub jibgħat email jew jirreġistra hawn sabiex tintbagħtilhom l-istedina għall-workshop.

Tnedija tar-Research Bulletin waqt Workshop Annwali tar-Riċerka

 

Lura lejn l-Arkivju