News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021
09/11/2021
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-raba’ ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2021
Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika r-raba' ħarġa tar-Rivista tiegħu ta' kull tliet xhur għas-sena 2021, li tanalizza l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u barra minn Malta matul it-tieni kwart tal-2021.
Fit-tieni kwart tal-2021, l-attività ekonomika kompliet tiġi affettwata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta' trażżin assoċjati magħha, għalkemm dawn kienu inqas stretti minn sena qabel. Il-prodott domestiku gross (PDG) reali żdied bi 13.4% meta mqabbel mal-istess kwart tal-2020. Dan seħħ wara tnaqqis ta' 1.3% fit-tliet xhur preċedenti. Minkejja ż-żieda reċenti, il-livell tal-PDG xorta kien 3.6% inqas minn dak tat-tieni kwart tal-2019. Fuq bażi annwali, it-tkabbir fil-PDG kien dovut għad-domanda domestika u b'mod iktar limitat, mill-esportazzjoni netta. Id-data settorjali turi li l-espansjoni kienet primarjament xprunata mis-settur tas-servizzi, speċjalment is-settur li jinkludi l-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u attivitajiet relatati. Madankollu, dan is-settur kompla jiġi affettwat serjament mill-pandemija, bil-valur miżjud gross tiegħu kważi 35.0% inqas mil-livell irreġistrat fit-tliet xhur korrispondenti tal-2019.
It-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali żdied marġinalment għal 1.8% fit-tieni kwart tal-2021, minn 1.9% fil-kwart ta' qabel. L-istima tal-Bank tad-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali naqset iżda kienet sew f'livell negattiv, hekk kif id-domanda baqgħet taħt il-potenzjal tal-ekonomija, speċjalmenti fis-setturi relatati mat-turiżmu u d-divertiment.
L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju żdied drastikament fit-tieni kwart tal-2021. Dan jirrifletti żidiet qawwija minn sena qabel f'għadd ta' fatturi varjabbli, għalkemm il‑livelli tal‑attività ekonomika baqgħu taħt dawk prevalenti qabel il‑pandemija. Pereżempju, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea kompla jirkupra mill-aktar livell baxx irreġistrat fl-2020, u qiegħed ogħla mill-medja fuq perjodu twil u ogħla wkoll mil-livell irreġistrat eżatt qabel il-pandemija. Din iż-żieda tista' tirrifletti t-tnaqqis tar-restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19 u t-titjib relatat fl-attività kif ukoll ir-rata għolja ta' tilqim miksuba matul it-trimestru.
Matul it-tieni kwart tal-2021, is-suq tax-xogħol kompla jirkupra, bl-impjiegi jirritornaw għal-livelli ta' qabel il-pandemija u l-qgħad kompla jonqos. Skont l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, ir-rati tal-impjiegi u tal-attività żdiedu, u kienu ogħla minn dawk prevalenti fit-tieni kwart tal-2019 u marġinalment taħt dawk irreġistrati fl-ewwel kwart tal-2020. Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta' 3.5%, inqas mir-rata ta' 4.0% rreġistrata fil-kwart preċedenti, u inqas mir-rata ta' 4.6% rreġistrata sena qabel. Kienet ukoll taħt ir-rata medja ta' 7.9% rreġistrata fiż-żona tal-euro. Ir-rata storikament baxxa ta' qgħad f'Malta, parzjalment tirrifletti l-appoġġ kontinwu tal-gvern relatat mal-COVID-19, kif ukoll l-irkupru fid-domanda.
L-inflazzjoni baqgħet baxxa matul il-kwart kopert. L-inflazzjoni annwali kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kienet fil-livell ta' 0.2% f'Ġunju, żieda minn 0.1% f'Marzu. Din iż-żieda marġinali kienet prinċipalment tirrifletti tkabbir aktar mgħaġġel fil-prezzijiet ta' ikel mhux ipproċessat u fil-prezzijiet tal-prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal-enerġija. L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infiq minn residenti f'Malta, telgħet minn 0.4% f'Marzu għal 1.5% f'Ġunju.
Matul it-tieni kwart tal-2021, il-finanzi tal-gvern ġenerali tjiebu għalkemm baqgħu f'defiċit. Il-gvern ġenerali rreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma' dak irreġistrat fl-istess perjodu tal-2020 hekk kif iż-żieda fid-dħul għelbet dik fl-infiq. Meta mkejjel fuq erba' trimestri, id-dejn tal-gvern ġenerali kien fil-livell ta' 8.6% tal-PDG fit-tieni kwart tal-2021, tnaqqis minn 10.0% fil-kwart ta' qabel. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG żdied għal 59.5% minn 57.5% fl-aħħar ta' Marzu 2021. Hekk kif l-istokk tal-obbligazzjonijiet finanzjarji miżmumin mill-gvern żdied b'ritmu inqas mgħaġġel mill-istokk tal-assi finanzjarji, is-sehem tal-valur finanzjarju nett fil-PDG tjieb fit-tieni kwart tas-sena.
Ir-Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kunsill Governattiv żamm ix-xejra akkomodattiva tiegħu tal-politika monetarja matul it-tieni kwart tal-2021. Il-Kunsill ikkonferma li l-Ewrosistema ser tkompli twettaq xiri nett ta' assi taħt il-programm ta' xiri ta' emerġenza pandemika (PEPP) tal-inqas sal-aħħar ta' Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm il-Kunsill iqis li l-fażi tal-kriżi tal-pandemija tkun intemmet. Fil-laqgħa tiegħu ta' Ġunju, il-Kunsill Governattiv iddikjara li jistenna li x-xiri taħt il-PEPP matul il-kwart ta' wara jsir b'ritmu ferm ogħla milli sar matul l-ewwel xhur ta' din is-sena. Madankollu, f'laqgħat riċenti l-Kunsill Governattiv ħabbar li dan ir-ritmu ser jitnaqqas, filwaqt li l-President tal-BĊE esprimiet il-fehma li l-PEPP ser jintemm fl-aħħar ta' Marzu 2022.
Sadattant, il-Kunsill Governattiv ikkonferma li x-xiri nett taħt il-programm ta' xiri ta' assi (APP) ser ikompli b'ritmu ta' €20 biljun kull xahar sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt favorevoli tar-rati tal-politika monetarja tal-BĊE, u biex jintemm ftit qabel ma dawn ir-rati jibdew jiżdiedu.
Ir-Rivista tippreżenta wkoll studju dwar il‑metodi użati sabiex jiġi evalwat iċ-ċiklu tan-negozju f'Malta. Barra minn hekk, ir-Rivista tagħti ħarsa lejn it-tkabbir riċenti fis-setturi tal-attivitajiet professjonali, xjentifiċi, tekniċi, amministrattivi u ta' appoġġ tas-servizzi. Ir-Rivista tinkludi wkoll analiżi tal-volum u l-valur tat-tranżazzjonijiet ta' pagamenti li saru f'terminals fil-punt tal-bejgħ f'Malta.
L-iktar edizzjoni riċenti tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2021 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank.

Lura lejn l-Arkivju