News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

25/10/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tielet edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2021

Il-laqgħat li saru bejn il-Bank Ċentrali ta' Malta u n-negozji lokali matul it-tielet kwart tal-2021 juru dan li ġej:

  • Il-kundizzjonijiet ġenerali tan-negozju komplew jitjiebu.
  • L-aspettattivi dwar l-attività kummerċjali għall-aħħar kwart tjiebu wkoll.
  • Il-pjanijiet ta' investiment baqgħu fil-biċċa l-kbira kif skedat.
  • In-negozji qed jippjanaw reklutaġġ addizzjonali.
  • Aktar negozji esprimew tħassib dwar in-nuqqas ta' ħaddiema.
  • Iż-żidiet fl-ispejjeż baqgħu b'saħħithom, u f'xi każijiet wasslu għal żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ.

Fit-tielet kwart tal-2021, il-kundizzjonijiet tan-negozju komplew jitjiebu - 65% tan-negozji li kienu kkuntattjati rrappurtaw żieda fl-attività u 16% rrappurtaw tnaqqis. Għalhekk, persentaġġ nett ta' 49% ta' dawk li wieġbu rrappurtaw żieda fl-attività matul it-tliet xhur ta' qabel l-intervista, żieda minn 28% fit-tieni kwart tas-sena.

Kważi nofs in-negozji intervistati rrappurtaw li huma jistennew li l-attività kummerċjali se tiżdied fit-tliet kwart li ġejjin, filwaqt li 11% kienu qed jistennew tnaqqis. Barra minn hekk, il-proporzjon ta' dawk li kienu inċerti mill-prospetti tan-negozju kompla jonqos.

Iż-żidiet fl-ispejjeż baqgħu sostanzjali fit-trimestru kopert, bi kważi żewġ terzi tal-kuntatti jirrappurtaw li raw żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni. Parzjalment minħabba spejjeż għoljin, madwar 39% tan-negozji intervistati rrappurtaw żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Madankollu, 14% rrappurtaw tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ, filwaqt li kważi nofs in-negozji intervistati ħallew il-prezzijiet tal-bejgħ kif kienu.

Fit-tielet kwart, 73% ta' dawk li wieġbu qalu li komplew il-pjanijiet tagħhom ta' investiment kif skedat, filwaqt li 14% rrappurtaw posponiment. Il-proporzjon ta' dawk li wieġbu li l-pjanijiet ta' investiment ġew ikkanċellati żdied marġinalment għal 3%.

Fid-dawl taż-żieda fl-attività, 37% nett tan-negozji qed jippjanaw li jżidu l-ħaddiema. Madankollu, matul it-tielet kwart tas-sena, aktar kumpaniji esprimew tħassib dwar in-nuqqas ta' ħaddiema.

Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tielet edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2021

Lura lejn l-Arkivju