News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2021

20/10/2021

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ottubru

F'Settembru, l-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju baqa' pożittiv, hekk kif bosta indikaturi makroekonomiċi komplew jirkupraw mil-livelli baxxi ħafna li ġew osservati fl-2020. Madankollu, il-livell ta' attività ekonomika aggregata baqa' taħt dak osservat qabel il-pandemija.

L-istħarriġ dwar il-fiduċja tal-Kummissjoni Ewropea juri li f'Settembru s-sentiment naqas meta mqabbel max-xahar ta' qabel, iżda jibqa' ferm ogħla mil-livell tiegħu sena qabel u mill-medja storika. Meta mqabbel ma' Awwissu, il-fiduċja naqset fl-industrija u b'mod inqas sinifikanti fost il-konsumaturi. Madankollu, is-sentiment baqa' pożittiv fis-setturi kollha.

L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern għall-COVID-19 - indikatur li jiġbor diversi miżuri ta' trażżin, miżuri ekonomiċi u dawk relatati mas-saħħa li daħlu fis-seħħ b'reazzjoni għall-pandemija - baqgħet l-istess bħal tax-xahar ta' qabel u kienet marġinalment ogħla mill-istima rrappurtata fiż-żona tal-euro.

F'Awwissu, il-permessi għal bini kummerċjali u residenzjali żdiedu fuq il-livell tas-sena l-oħra. Sadattant, l-għadd ta' kuntratti ta' bejgħ għal proprjetà residenzjali żdied ukoll fuq bażi annwali, filwaqt li naqsu l-konvenji. Fl-istess xahar, il-produzzjoni industrijali naqset fuq bażi annwali wara erba' xhur ta' tkabbir konsekuttiv. Madankollu, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b'rata aktar mgħaġġla.

L-għadd ta' persuni qiegħda rreġistrati naqas, kemm meta mqabbel ma' dak ta' Lulju, kif ukoll meta mqabbel ma' sena qabel. Ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess fil-livell ta' 3.2% f'Awwissu, marġinalment taħt il-livell ta' qabel il-pandemija.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 0.7% f'Settembru, żieda mir-rata ta' 0.4% f'Awwissu, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 2.2% minn 2.1% xahar qabel. Id-differenza bejn iż-żewġ metodi ta' kejl tal-inflazzjoni tirrifletti fatturi tekniċi relatati mar-reviżjoni tal-piżijiet tal-HICP fl-2021.

L-Aġġornament Ekonomiku jinkludi wkoll data dwar rikors għall-moratorju fuq ħlasijiet lura ta' self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti ta' Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kien soġġett għal moratorju sal-aħħar ta' Awwissu kompla jonqos, għal €63.3 miljun, ekwivalenti għal 0.5% biss tas-self pendenti lil dawn is-setturi. Dan jirrifletti rkupru fid-dħul u l-iskadenza tal-perjodu tal-moratorji għal ċerti benefiċjarji. Sal-aħħar ta' Awwissu 2021, 625 faċilità għal skopijiet ta' kapital tax-xogħol u ta' ħlas lura tas-self kienu ngħataw lin-negozji milquta mill-pandemija taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondi għal ammonti totali sanzjonati ta' €478.6 miljun, jew 61.5% tal-mira tal-iskema.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ottubru

Lura lejn l-Arkivju