News

News - Web Releases 2020

13/03/2020 15:10:00

Il-messaġġ tal-Gvernatur lill-pubbliku

L-imxija rapida tal‑coronavirus (COVID‑19) hija xokk kbir għad‑dinja, kemm mill‑perspettiva umana u kif ukoll ekonomika. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jagħti sehmu sabiex jittaffa l‑impatt ta' xokk bħal dan, f'konformità mad‑deċiżjonijiet li qied jieħu l‑Gvern u l‑awtoritajiet tas‑saħħa.

L‑ewwel responsabbiltà tagħna hija għall‑impjegati tagħna, u apparti milli llimitajna l‑ivvjaġġar sa mis‑26 ta' Frar u l‑waqfien totali tal‑ivvjaġġar mit‑3 ta' Marzu, tnaqqsu wkoll il‑laqgħat u qed tintuża l‑faċilità tat‑telekonferenza kull meta jkun possibbli.

Daħħalna fis‑seħħ miżuri stretti rigward l‑iġjene, iżda wkoll ħadna l‑prekawzjoni li jingħalqu l‑Victor Pasmore Gallery, il‑mużew tal‑flus u l‑ħanut tal‑muniti sakemm jingħata avviż ieħor, għalkemm xiri ta' muniti numiżmatiċi jista' jibqa' jsir online. Bla dubju, aħna jiddispjaċina għal kwalunkwe inkonvenjent iżda nemmnu li dan kien meħtieġ fiċ‑ċirkostanzi attwali.

Dawk il-persuni li jinħtieġu rapport mir‑Reġistru Ċentrali tal‑Kreditu jistgħu jagħmlu talba għalih permezz tal‑proċeduri normali u jirċivuh permezz ta' posta reġistrata jew bl‑email.

Servizzi tal‑librerija għadhom qegħdin jiġu offruti iżda l‑viżitaturi qed jiġu mitluba jagħmlu appuntament u jiffirmaw dikjarazzjoni li jikkonformaw mar‑restrizzjonijiet attwali fir‑rigward tal‑ivvjaġġar u l‑kwarantina - kif qed jagħmlu wkoll viżitaturi u fornituri oħrajn tal‑Bank.

Il‑Bank għandu wkoll irwol uffiċjali importanti fl‑infrastruttura tal‑gżira u għalhekk dejjem ta attenzjoni konsiderevoli biex jidħlu fis‑seħħ miżuri ta' kontinwità tan‑negozju. Daħlu fis‑seħħ numru ta' arranġamenti ta' kontinġenza u oħrajn ġodda qegħdin jiġu introdotti biex jassiguraw li s‑servizzi essenzjali tagħna jkomplu jiġu offruti bla xkiel.

Nirringrazzjaw lill‑awtoritajiet tas‑saħħa għax‑xogħol li qegħdin jagħmlu u nappellaw lill‑pubbliku sabiex jagħti kas tal‑pariri tal‑awtoritajiet f'dawn iż‑żminijiet diffiċli.

Mario Vella
Gvernatur - Bank Ċentrali ta' Malta

Lura lejn l-Arkivju