News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
21/12/2020 15:00:00
Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 12/2020
Il-biċċa l-kbira tad-data rrappurtata f'din il-ħarġa tal-Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Ottubru 2020 u tirrifletti ż-żieda mill-ġdid fil-każijiet tal-COVID-19 u l-introduzzjoni ta' aktar miżuri ta' trażżin. L-aħħar data għall-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea u l-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju tirreferi għal Novembru 2020.
F'Novembru, l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta' Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju baqa' fl-istess livell meta mqabbel max-xahar ta' qabel. L-istabbilizzazzjoni tal-indiċi timplika tnaqqis fir-ritmu ta' rkupru fl-attività ekonomika, u li kienet affettwata b'mod negattiv bl-introduzzjoni mill-ġdid ta' diversi miżuri ta' trażżin. Għalkemm data riċenti hija f'livelli ogħla minn dawk baxxi għal Mejju u Ġunju, l-Indiċi jkompli jindika livelli baxxi ta' attività ekonomika, li jirriflettu x-xenarju ekonomiku dgħajjef li bħalissa jirrenja fil-kuntest tal-COVID-19.
L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku ddeterjora f'Novembru meta mqabbel max-xahar ta' qabel. Il-fiduċja naqset drastikament fl-industrija u, f'livelli iktar limitati, fis-settur tas-servizzi u fost il-konsumaturi. Dawn l-iżviluppi kienu megħluba minn titjib fis-sentiment fis-settur tal-kostruzzjoni u fost il-bejjiegħa. Is-sentiment baqa' negattiv fis-setturi kollha, barra s-settur tal-kostruzzjoni.
F'Ottubru, il-produzzjoni industrijali kibret marġinalment filwaqt li l-volum tal-bejgħ bl-imnut naqas b'ritmu inqas mgħaġġel f'termini annwali. Kien hemm tnaqqis fin-numru ta' permessi għal żviluppi għal skopijiet kummerċjali, wara żieda f'Settembru. Sadattant, in-numru ta' permessi għal żviluppi residenzjali naqas b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbel mix-xahar ta' qabel.
Is-suq tax-xogħol kompla juri reżiljenza. Fil-fatt, għal darb'oħra kien hemm tnaqqis fin-numru ta' nies fuq ir-reġistru tal-qgħad. Ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess mix-xahar ta' qabel, u baqgħet relattivament baxxa minn perspettiva storika u meta mqabbla ma' Stati Membri fiż-żona tal-euro.
L-inflazzjoni żdiedet bi ftit f'Ottubru iżda għadha f'livell baxx ħafna. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur telgħet għal 0.6%, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 0.3%.
F'Ottubru, id-defiċit fuq il-Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali żdied meta mqabbel ma' sena qabel hekk kif ż-żieda fl-infiq primarju tal-gvern kienet ogħla miż- żieda fid-dħul tal-gvern.
Il-pubblikazzjoni tirrapporta wkoll dwar l-użu tal-moratorju fuq ħlasijiet lura ta' self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta' kreditu lil residenti f'Malta b'reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil households u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal-aħħar ta' Ottubru kompla jonqos bi ftit għal €1.4 biljun, ekwivalenti għal 11.7% tas-self pendenti relatat, hekk kif in-negozji u l-households komplew bil-ħlasijiet lura tagħhom tas-self, li jindika irkupru fid-dħul. F'April, il-Gvern nieda l-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme sabiex jiggarantixxi self ġdid mogħti minn istituzzjonijiet ta' kreditu għal kapital operattiv lil negozji milqutin mill-pandemija. Sal-aħħar ta' Ottubru, ġew approvati 478 faċilità li jkopru total ta' self sanzjonat li jammonta għal €351.5 miljun.
L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju