News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
11/12/2020
Il-Logħob tradizzjonali magħżul bħala tema għal munita kommemorattiva taż-€2
Id‑disinn tal‑istudent Ymen Riahi, li jattendi s‑St Nicholas Middle School tar‑Rabat, intgħażel għall‑aħħar munita minn serje ta' ħames muniti taż‑€2 mill‑programm 'Mit‑Tfal b'Solidarjetà'.
Il‑munita kommemorattiva taż‑€2 ser toħroġ fl‑14 ta' Diċembru 2020 mill‑Bank Ċentrali ta' Malta. Madankollu, jistgħu jsiru ordnijiet minn qabel permezz tal‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre (MCC) mill‑11.00 a.m. tal‑11 ta' Diċembru 2020. Il‑muniti jistgħu jinxtraw ukoll mill‑counter tal‑MCC fil‑bini prinċipali tal‑Bank mill‑14 ta' Diċembru 2020. Il‑bejgħ mill‑ordnijiet minn qabel u kif ukoll over the counter ser jibqa' jsir sakemm jispiċċa l‑istokk allokat.
L‑artist żagħżugħ kien ispirat mil‑logħob tradizzjonali popolari mat‑tfal Maltin. Fil‑fatt, id‑disinn juri taħlita ta' logħob inklużi ż‑żibeġ, iż‑żugragi, u t‑tajra tradizzjonali. Il‑verżjoni Maltija tal‑hop‑scotch, magħrufa lokalment bħala l‑passju, tidher ukoll fid‑disinn. Tliet żnażan iduru f'ċirku jirreferu għal għanja popolari kantata mit‑tfal Maltin waqt il‑logħob.
Id‑disinn jinkludi l‑isem tal‑pajjiż li qed joħroġ il‑munita, Malta, u s‑sena tal‑ħruġ, 2020. Il‑programm dwar ħruġ ta' muniti 'Mit‑tfal b'Solidarjetà' kien ġie mniedi uffiċjalment fl‑2015 mill‑Bank Ċentrali ta' Malta, b'kollaborazzjoni mal‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u l‑Malta Community Chest Fund Foundation. It‑tfal kienu mistiedna jieħdu sehem f'kompetizzjoni billi jpinġu d‑disinji għall‑ħames muniti, u kull waħda nħarġet kull sena għal ħames snin.
Il‑qligħ mill‑bejgħ tal‑coin cards ser imur b'risq il‑Malta Community Chest Fund Foundation.
In‑naħa ta' wara tal‑munita turi n‑naħa komuni taż‑€2. In‑naħa ta' quddiem (in‑naħa nazzjonali), li kienet iddisinjata mill‑istudenta, kienet imnaqqxa minn Noel Galea Bason.
Dawn il‑muniti kommemorattivi nħadmu f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fil‑Monnaie de Paris fi Franza u ser joħorġu fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed u kif ukoll f'coin cards. Il‑ħruġ ser ikun limitat għal 220,000 munita, li 200,000 minnhom ser jinħarġu fi stoċċijiet u l‑20,000 l‑oħra ser ikunu disponibbli f'coin cards. Il‑prezz ta' stoċċ ta' 25 munita huwa €70, filwaqt li dak ta' coin card huwa €7.
Il‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑MCC fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta bejn it‑8.30am u n‑12.30pm, jew online permezz tal‑e‑shop tal‑MCC stess.
Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

Lura lejn l-Arkivju