News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
27/11/2020
Ir-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2020
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r‑Rapport Interim dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2020 fejn jagħti ħarsa lejn l‑iżviluppi fis‑settur finanzjarju f'Malta matul l‑ewwel sitt xhur tal‑2020 u r‑riskji potenzjali u l‑vulnerabbiltajiet għall‑futur qarib.
Ir‑Rapport jidħol fid‑dettall dwar kif is‑settur finanzjarju ġie affettwat mill‑pandemija tal‑COVID‑19 li, bħalma ġara madwar id‑dinja, ippreżentat sfidi uniċi kemm għas‑settur finanzjarju u kif ukoll għall‑ekonomija inġenerali. Flimkien ma' sfidi li kienu jeżistu qabel, bħax‑xenarju ta' rata baxxa tal‑imgħax għal żmien itwal u t‑tensjonijiet ġeopolitiċi, il‑pandemija kompliet iżżid pressjoni fuq il‑profittabbiltà tal‑operaturi ta' servizzi finanzjarji. Dan ir‑Rapport itenni l‑pożizzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja għall‑2019 fejn is‑sistema finanzjarja kienet meqjusa bħala waħda b'saħħitha biżżejjed sabiex tiffaċċja din il‑kriżi, għalkemm b'riskji li jistgħu jiżdiedu.
Ir‑Rapport jirreferi għall‑iżviluppi li huma parzjalment influwenzati miċ‑ċaqliq negattiv fil‑prezzijiet tal‑assi finanzjarji li wassal għal xi tnaqqis fil‑klassifikazzjoni tal‑kreditu. Il‑miżuri ta' trażżin introdotti sabiex iwaqqfu l‑imxija tal‑pandemija kellhom effett fuq l‑attività ekonomika, speċjalment f'ċerti setturi. Din is‑sitwazzjoni ħolqot inċertezzi - partikolarment dwar il‑probabbiltà li min kellu self mill‑banek ma jaqax lura fil‑ħlasijiet lil min sellfu. F'dan ir‑rigward, il‑Bank ħareġ id‑Direttiva Nru 18 li tirregola l‑moratorji, speċifikament biex ittaffi l‑piż fuq dawk li jissellfu u li d‑dħul tagħhom ġie affettwat mill‑pandemija. Fi sforz biex jantiċipaw kwalunkwe telf potenzjali li jista' jirriżulta minn nuqqas ta' ħlas lura fuq self, il‑banek bdew iwarrbu riżervi addizzjonali, li wkoll affettwaw il‑profittabbiltà tagħhom.
Fl‑istess ħin, il‑miżuri biex titrażżan l‑imxija tal‑pandemija kellhom effett negattiv fuq il‑konsum li rriżulta fi tnaqqis ta' pagamenti bil‑kards fil‑ħwienet, u għalhekk tnaqqis fid‑dħul mill‑miżati u l‑kummissjonijiet. Dan - flimkien ma' tnaqqis fit‑tkabbir fis‑self - kellu impatt negattiv fuq id‑dħul nett mill‑imgħax tal‑banek, hekk kif dan naqas għall‑ewwel darba f'ħafna snin.
It‑tkabbir fil‑kreditu ta' residenti privati batta, l‑aktar wara tnaqqis fit‑tkabbir fuq self għal xiri ta' proprjetà u, fuq livell ħafna inqas, fil‑kreditu tal‑kumpaniji residenti. Il‑kreditu residenti għal skopijiet ta' konsum naqas mill‑ġdid, hekk kif il‑fiduċja fost il‑konsumaturi ddeterjorat b'mod sinifikanti f'Marzu u fix‑xhur ta' wara, sakemm irkuprat bi ftit f'Ġunju 2020. Dan kollu, flimkien mal‑posponiment tal‑infiq u b'konsegwenza ż‑żieda fit‑tfaddil tal‑familji, wassal għal żieda fid‑depożiti tal‑klijenti. Minkejja dawn l‑isfidi, ir‑Rapport jindika li l‑core domestic banks ser jibqgħu kkapitalizzati sew u joperaw b'buffers għoljin ta' likwidità, li jirriflettu wkoll żieda sinifikanti fid‑depożiti.
Fir‑rigward tan‑non‑core domestic banks, ir‑Rapport juri li l‑profittabbiltà ta' din il‑kategorija ta' banek kienet ukoll affettwata b'mod negattiv filwaqt li kien hemm ukoll tnaqqis fid‑daqs tal‑balance sheet tagħhom. Madankollu, dan il‑grupp ta' banek baqa' kkapitalizzat sew u opera b'ammonti għoljin ta' likwidità. L‑operat tal‑banek internazzjonali baqa' b'mod ġenerali ffukat fuq persuni li mhumiex residenti f'Malta li, minkejja li kkonsolida aktar, baqa' ddominat mill‑iżviluppi fl‑akbar fergħat ta' banek barranin.
Simili għall‑banek, il‑pandemija ħalliet impatt negattiv fuq il‑profittabbiltà tal‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni li huma relevanti fil‑kuntest domestiku, bil‑profitti jinżlu b'iktar min‑nofs wara t‑tnaqqis fid‑dħul mill‑investiment u l‑primjums. Dan l‑effett, imbagħad, kien intensifikat minn tnaqqis fl‑attività ta' negozji ġodda u kanċellazzjonijiet ta' numru ta' avvenimenti li jaffettwaw diversi setturi ekonomiċi. Minkejja dawn l‑isfidi, dawn l‑istituzzjonijiet finanzjarji baqgħu kkapitalizzati u likwidi sew.
L‑assi ta' fondi domestiċi ta' investiment naqsu l‑aktar minħabba bejgħ mill‑investituri flimkien ma' telf fil‑valur kemm fuq investimenti fl‑ishma u kif ukoll f'bonds. Madankollu, il‑likwidità tal‑fondi domestiċi ta' investiment relevanti fil‑kuntest domestiku baqgħet b'saħħitha.
Ir‑Rapport jaċċenna wkoll il‑messaġġ ewlieni tiegħu lill‑operaturi finanzjarji fis‑settur sabiex f'dawn iż‑żminijiet ta' sfida, l‑istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jibgħu viġilanti għal riskji ġodda u jżommu livelli għoljin ta' kapital u likwidità. L‑irkupru tas‑settur finanzjarju jiddependi primarjament mill‑irkupru ekonomiku, li min‑naħa l‑oħra jiddependi fuq kemm tinkiseb lura malajr il‑fiduċja tal‑konsumaturi u n‑negozji. Dan jiddependi wkoll fuq meta jiġi introdott il‑vaċċin. Sadattant, il‑banek għandhom ifittxu li jkomplu jadottaw prattiċi prudenti ta' self u jkomplu jwarrbu riżervi adegwati fejn meħtieġ, sabiex jevitaw kwalunkwe effett negattiv meta jiskadu l‑moratorji. Minbarra dan, il‑banek għandhom ifittxu sorsi alternattivi ta' dħul u jniedu miżuri sostenibbli ta' trażżin fl‑ispejjeż sabiex itejbu l‑profittabbiltà mingħajr ma jikkompromettu l‑buffers tagħhom ta' kapital u likwidità. Sadattant, il‑fondi ta' investiment u l‑istrateġiji ta' investiment tal‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni għandhom jibqgħu konservattivi, partikolarment f'dan ix‑xenarju inċert attwali.
Lura lejn l-Arkivju