News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
19/11/2020
Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 11/2020
Il‑biċċa l‑kbira tad‑data rrappurtata f’din il‑ħarġa tal‑Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Settembru 2020. L‑aħħar data għall‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea u l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju jirreferu għal Ottubru 2020 u jirriflettu ż‑żieda mill‑ġdid fil‑każijiet tal‑COVID‑19 u l‑introduzzjoni ta’ aktar miżuri ta’ trażżin.
F’Ottubru, l‑Indiċi tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju baqa’ fl‑istess livell meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel. Għalkemm l-istima għal Ottubru hija ogħla minn dik baxxa għal Ġunju, l‑Indiċi jkompli jindika livelli baxxi ta’ attività ekonomika.
Kien hemm tnaqqis fl‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel, possibbilment minħabba ż‑żieda fl‑infezzjonijiet tal‑COVID‑19 u t‑tħabbir ta’ aktar miżuri ta’ trażżin f’Ottubru. It‑tnaqqis fis‑sentiment kien primarjament xprunat minn tnaqqis sinifikanti fil‑fiduċja fis‑settur tas‑servizzi u, f’livelli iktar limitati, fis‑settur tal‑kostruzzjoni u fost il‑konsumaturi. B’kuntrast għal dan, kien hemm titjib fis‑sentiment fl‑industrija u fost il‑bejjiegħa. Madankollu, il‑fiduċja baqgħet negattiva fis‑setturi kollha.
F’Settembru, il‑produzzjoni industrijali u l‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut naqsu f’termini annwali. In‑numru għal permessi għal żviluppi għal skopijiet kummerċjali kien ogħla mil‑livelli tas‑sena ta’ qabel. B’kuntrast għal dan, kien hemm tnaqqis fin‑numru ta’ permessi għal żviluppi residenzjali, wara żieda fix‑xahar ta’ qabel.
In‑numru ta’ nies fuq ir‑reġistru tal‑qgħad u r‑rata tal‑qgħad naqsu meta mqabblin max‑xahar preċedenti, bir‑rata tal‑qgħad tibqa’ relattivament baxxa minn perspettiva storika.
L‑inflazzjoni baqgħet baxxa u kompliet tbatti f’Settembru. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur għalqet it‑tielet trimestru fil‑livell ta’ 0.5%, filwaqt li l‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut niżlet għal 0.2%.
F’Settembru, id‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali żdied meta mqabbel ma’ sena qabel. Dan jirrifletti l‑impatt fuq id‑dħul minn attività ekonomika aktar baxxa minħabba l‑imxija globali tal‑COVID‑19, u l‑impatt tal‑miżuri ta’ sostenn pubbliku meħudin b’mod kontinwu mill‑gvern sabiex itaffi l‑effetti ekonomiċi tal‑pandemija.
Il‑pubblikazzjoni tirrapporta wkoll dwar l‑użu tal‑moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu lil residenti f’Malta b’reazzjoni għall‑COVID19. Il‑valur tas‑self lil households u kumpaniji li kienu soġġetti għal moratorju sal‑aħħar ta’ Settembru naqas għal €1.8 biljun, ekwivalenti għal 15.6% tas‑self pendenti relatat, hekk kif diversi negozji apparti s‑settur tal‑akkomodazzjoni u kif ukoll households komplew bil‑ħlasijiet lura tagħhom tas‑self. F’April, il‑Gvern nieda l‑Malta Development Bank COVID‑19 Guarantee Scheme sabiex jiggarantixxi self ġdid mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu għal kapital operattiv lil negozji milqutin mill‑pandemija. Sal‑aħħar ta’ Settembru, ġew approvati 453 faċilità li jkopru total ta’ self sanzjonat li jammonta għal €343.7 miljun.
L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju