News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
18/11/2020
Il-Bank jikkopera ma' ĠEMMA sabiex jippromwovi l-litteriżmu finanzjarju
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta kkoopera ma’ ĠEMMA sabiex flimkien jipproduċu sett ieħor ta’ filmati bil‑għan li jippromwovu l‑kapaċità finanzjarja.
Il‑Bank jipprovdi assistenza prattika kontinwa lill‑aġenzija u ser jassisti wkoll fit‑tixrid tal‑filmati permezz tal‑preżenza tiegħu fil‑midja soċjali.
“Għalkemm il‑litteriżmu finanzjarju mhuwiex wieħed mill‑funzjonijiet ewlenin b’mod dirett, nemmnu li għandna nagħmlu dak kollu li hu possibbli sabiex nippromwovu għarfien aħjar ta’ kemm huwa importanti għall‑familji li jimmaniġġjaw il‑finanzi tagħhom,” qal il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta Mario Vella.
Meta mistoqsi dwar il‑firxa ta’ suġġetti koperti fil‑filmati, il‑Gvernatur irrimarka li dawn jinkludu l‑użu tal‑kards tal‑kreditu u l‑ibbaġitjar għal kuljum kif ukoll għal infiq speċjali. Il‑Gvernatur qal li “għalkemm immaniġġjar finanzjarju tajjeb huwa bla dubju dwar l‑infiq fil‑mument opportun, l‑awturi inkludew ukoll materjal dwar it‑tfaddil għal mumenti diffiċli u materjal dwar l‑ippjanar għall‑irtirar.”
Mr Mark Musù, is‑Segretarju Permanenti għall‑Ministeru għall‑Familja, Drittijiet tat‑Tfal u Solidarjetà Soċjali, li lilu ĠEMMA tirrapporta, qal li “ĠEMMA hi pprivileġġjata li daħlet f’Memorandum ta’ Ftehim ta’ Sħubija Strateġika mal‑Bank Ċentrali ta’ Malta sabiex jipproduċu serje ta’ filmati qosra dwar l‑edukazzjoni relatata mal‑immaniġġjar tal‑flus”. Mr Musù żied jgħid li din hija l‑ewwel mis‑serje li l‑Ministeru u l‑Bank Ċentrali ta’ Malta qegħdin jaħdmu fuqha flimkien. Dawn il‑filmati, immirati sabiex inisslu għarfien tal‑kapaċità finanzjarja fost il‑pubbliku inġenerali, iżidu mar‑riżorsi edukattivi disponibbli għal ĠEMMA sabiex tilħaq dan l‑għan.
Il‑filmati jistgħu jiġu aċċessati faċilment hawnhekk.
ĠEMMA ġiet iffurmata f’Jannar 2019, wara li l‑Grupp għall‑Istrateġija tal‑Pensjonijiet issuġġerixxa t‑twaqqif ta’ working group tad‑diversi partijiet ikkonċernati, li jikkonsisti fl‑Uffiċċju tas‑Segretarju Permanenti, il‑Ministeru għall‑Familja u s‑Solidarjetà Soċjali, id‑Dipartiment tas‑Sigurtà Soċjali, id‑Dipartiment għall‑Kwalità u l‑Istandards fl‑Edukazzjoni, l‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u Finance Malta. Wara konsultazzjoni pubblika, ġiet imnedija strateġija fl‑2017 li enfasizzat il‑ħtieġa għal kampanji li jippromwovu għarfien aħjar dwar id‑dħul fl‑irtirar u l‑kapaċità finanzjarja. Ir‑riżultat kien it‑twaqqif tal‑aġenzija bit‑titlu ‘ĠEMMA’ – l‑isem mogħti lin‑‘naħla’ użata fil‑kampanja ta’ ĠEMMA.
Minn dakinhar, ĠEMMA kienet attiva ħafna ‑ toffri kalkulaturi interattivi sabiex jgħinu lin‑nies jaħdmu l‑finanzi tagħhom, tieħu sehem f’avvenimenti ta’ outreach u f’intervisti mal‑midja, u kif ukoll tipprovdi riżorsi għall‑għalliema u l‑ġenituri li jistgħu jgħinu fit‑tixrid tal‑informazzjoni.

Lura lejn l-Arkivju