News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
11/11/2020
Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – ir-Raba’ Ħarġa tal-2020
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika r‑raba’ ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas‑sena 2020. Din l‑edizzjoni tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f’Malta u barra minn Malta matul it‑tieni trimestru tal‑2020. Għalhekk, l‑informazzjoni ppreżentata tirrifletti l‑impatt tal‑miżuri ta’ trażżin introdotti biex iwaqqfu l-imxija tal‑COVID‑19.
Ir‑Rivista tinnota li l‑PDG reali naqas b’16.2% f’termini annwali fit‑tieni trimestru tal‑2020, wara żieda ta’ 1.4% fl‑ewwel trimestru tas‑sena. It‑tnaqqis fil‑PDG kien sostnut minn tnaqqis drastiku fid‑domanda domestika u fl‑esportazzjoni netta. Id‑data dwar il‑valur miżjud gross turi li għalkemm l‑attività naqset fil‑biċċa l‑kbira tas‑setturi, it‑tnaqqis kien primarjament xprunat mis‑settur tas‑servizzi. It‑tnaqqis ekonomiku fit‑tieni trimestru tas‑sena hu l‑akbar li qatt ġie rreġistrat, kemxejn ogħla mit‑tnaqqis fil‑PDG reali ta’ 14.9% fiż‑żona tal‑euro.
It‑tkabbir potenzjali mmodera għal 2.8% minn 3.8% fit‑trimestru preċedenti. Dan huwa l‑inqas tkabbir sa mill‑2003. Meta mkejjel bħala moving average fuq erba’ trimestri, id‑differenza bejn il‑produzzjoni reali u dik potenzjali kienet stmata fil‑livell ta’ ‑4.5% fit‑tieni trimestru tal‑2020, ferm iktar baxx mil‑livell ta’ 0.2% stmat fit‑trimestru ta’ qabel.
L‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju niżel drastikament matul it‑tieni trimestru tas‑sena, primarjament minħabba x‑xenarju ekonomiku eċċezzjonalment diffiċli kkawżat mill‑miżuri ta’ trażżin tal‑COVID‑19 u t‑tnaqqis drastiku fl‑attività ekonomika. It‑tnaqqis fl‑indiċi jindika li l‑kundizzjonijiet ekonomiċi baqgħu sostanzjalment taħt il‑medja storika tagħhom.
Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol battew minħabba l‑impatt tal‑pandemija tal‑COVID‑19. L‑impjiegi żdiedu fuq bażi annwali, iżda b’rata inqas mgħaġġla minn dik tal‑ewwel trimestru. In‑numru tal‑ħaddiema żdied b’rata inqas mgħaġġla meta mqabbel mat‑tliet xhur ta’ qabel, hekk kif il‑pandemija kkawżat żieda fin‑numru ta’ persuni inattivi u tnaqqis fil‑popolazzjoni fl‑età tax‑xogħol. Ir‑rata tal‑qgħad ibbażata fuq il‑Labour Force Survey telgħet għal 4.4% minn 3.6% sena qabel u fl‑ewwel trimestru tal‑2020, iżda baqgħet ferm taħt ir‑rata medja għaż‑żona tal‑euro – li kienet fil‑livell ta’ 7.2%. L‑impatt tal‑miżuri ta’ trażżin tal‑COVID‑19 fuq il‑qgħad ittaffa bil‑miżuri tal‑gvern immirati għall‑protezzjoni tax‑xogħlijiet, bħall‑Iskema tas‑Suppliment tal‑Pagi, kif ukoll id‑dipendenza tal‑kumpaniji fuq arranġamenti iqsar ta’ ħinijiet tax‑xogħol.
L‑inflazzjoni annwali mkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur immoderat għal 1.0% f’Ġunju, minn 1.2% f’Marzu, xprunata minn tkabbir inqas mgħaġġel fil‑prezzijiet tal‑enerġija u s‑servizzi. L‑inflazzjoni annwali bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut, li tqis biss l‑infiq tar‑residenti f’Malta, battiet għal 0.7%.
Fir‑rigward tal‑finanzi pubbliċi, il‑gvern ġenerali rreġistra defiċit, b’kuntrast mal‑bilanċ pożittiv irreġistrat sena qabel. Id‑deterjorament fil‑finanzi pubbliċi primarjament jirrifletti l‑impatt negattiv tal‑pandemija tal‑COVID‑19 fuq l‑attività u d‑dħul mit‑taxxi, filwaqt li l‑miżuri ta’ sostenn fiskali żiedu l‑infiq tal‑gvern. Meta mkejjel fuq bażi ta’ moving sum fuq erba’ trimestri, il‑gvern ġenerali rreġistra defiċit ta’ 5.1% tal‑PDG. Sadattant, il‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern ġenerali fil‑PDG tela’ għal 51.1% minn 44.4% fl‑ewwel trimestru tal‑2020. Is‑sehem tal‑valur finanzjarju nett fil‑PDG iddeterjora, hekk kif żieda fl‑istokk tal‑assi finanzjarji miżmuma mill‑Gvern kienet ikbar miż-żieda fl‑obbligazzjonijiet finanzjarji.
Ir‑Rivista tippreżenta ħarsa ġenerali lejn id‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja li ttieħdu mill‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Matul it‑tieni trimestru tal‑2020, il‑Kunsill żamm ix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja. Barra dan, il‑BĊE ħabbar pakkett ta’ miżuri addizzjonali tal‑politika monetarja sabiex itaffi d‑diffikultajiet ekonomiċi u l‑livell għoli ta’ inċertezza li ġabet il‑pandemija. Dawn il‑miżuri, flimkien ma’ azzjoni bla preċedent meħuda mis‑superviżuri u l‑awtoritajiet fiskali, għandhom jgħinu biex isostnu l‑kreditu lis‑settur privat u biex jipprovdu sostenn lill‑ekonomija biex terġa’ tirkupra.
Fin‑nuqqas ta’ data dwar wasliet ta’ turisti matul it‑tieni trimestru tal‑2020, ir‑Rivista tanalizza s‑settur tat‑turiżmu lokali matul it‑trimestru bl‑użu ta’ sorsi oħra. Ir‑Rivista tagħti deskrizzjoni tal‑miżuri tal‑gvern immirati għas‑setturi relatati mat‑turiżmu fid‑dawl tal‑miżuri ta’ trażżin u tagħti ħarsa fil‑qosor lejn ċifri għal Lulju u Awwissu. Ir‑Rivista tippreżenta wkoll qafas li jikkwantifika l-effett ta’ fatturi varji min-naħa ta’ provvista, fuq il‑PDG tal‑pajjiżi tal‑UE. Barra dan, ir‑Rivista tanalizza l‑iżviluppi fis‑settur tat‑trasport u l‑ħażna f’Malta matul iż‑żmien. Finalment, ir‑Rivista tagħti ħarsa ġenerali lejn l‑użu tal‑ATMs għall‑ġbid ta’ flus kontanti f’Malta bejn l‑2010 u l‑2019.
Ir‑raba ħarġa tar‑Rivista ta’ kull tliet xhur għall‑2020 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Lura lejn l-Arkivju