News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2020
03/11/2020
Tnedija tar-Research Bulletin waqt workshop annwali
Id‑diskors ewlieni waqt workshop virtwali li ser jiġi organizzat mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta sabiex iniedi l‑pubblikazzjoni annwali tiegħu tar‑Research Bulletin ser jinkludi preżentazzjoni dwar il‑kriżi tar‑refuġjati fl‑Ewropa bit‑titlu ‘Border policies and unauthorised flows’.
Id‑diskors ser isir minn Francesco Fasani, professur assoċjat fl‑iSchool of Economics and Finance, Queen Mary – University of London.
Preżentazzjoni oħra ser tingħata mir‑riċerkatur tal‑Bank Germano Ruisi dwar l‑implikazzjonijiet makroekonomiċi tal‑iskossi fil‑provvista tal‑ħaddiema barranin f’Malta.
Id‑Deputat Gvernatur Alexander Demarco ser jagħti bidu għal dan il‑workshop li ser isir fuq Teams fl‑20 ta’ Novembru fid‑9.30am. Kull min jixtieq jattendi hu ġentilment mitlub jibgħat email sabiex tintbagħtilhom l‑istedina għall‑workshop.
Din is‑sena l‑bulletin ser jinkludi riċerka dwar erba’ suġġetti, li jkopru mod komprensiv ta’ kif jiġi kkalkulat il‑kiri fis‑settur privat, li ser jgħin fil‑monitoraġġ ta’ din l‑attività; l‑evalwar tal‑iskossi fid‑domanda tal‑akkomodazzjoni, tqabbil tar‑riżultati tal‑Istħarriġ ta’ Malta dwar Finanzi u Konsum tal‑Households ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra parteċipanti; u estensjoni ta’ wieħed mill‑mudelli makroekonometriċi użati mill‑Bank, magħruf bħala STREAM.
Wara l‑workshop, il‑bulletin ser ikun disponibbli mis‑sezzjoni tal‑Pubblikazzjonijiet tas‑sit elettroniku tal‑Bank.

Lura lejn l-Arkivju